Eurovision
“F’Pariġi se nagħtu l-100%” – Ike u Kaya wara li rebħu l-Malta Junior Eurovision Song Contest

My Home kantata minn Ike u Kaya se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li ser issir fid-19 ta’ Diċembru li ġej f’Pariġi.

Il-kanzunetta rebbieħa ntgħażlet minn fost 12-il kantant u kantanta li s-Sibt filgħaxija ħadu sehem fil-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest li xxandret fuq TVM.

L-għada huma tkellmu ma’ TVM dwar l-eċċitament li għandhom biex jagħmlu lil Malta kburija bihom.

Dawn huma Ike u Kaya. Għandhom 11-il sena. Ilbieraħ dan id-duo ntgħażel fost 12-il kantant u kantanta biex jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li se jsir fid-19 ta’ Diċembru li ġej f’Pariġi.

Anqas minn 24 siegħa wara, Ike u Kaya qalu maċ-ċentru tal-aħbarijiet li donnhom qed jgħixu ħolma u li se jagħtu l-100% fuq il-palk tal-kapitali Franċiża.

“Tfisser għalija li nkun kburi u nagħti l-100% fuq l-stage”, qal Ike.

“Jiena s-sena l-oħra dħalt fil-JESC u ġejt ir-raba’ … din is-sena kont ma’ Ike u se mmorru Pariġi u nagħtu l-100%”, żiedet Kaya.

Il-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest ixxandret fuq Television Malta.

Fit-tieni post ikklassifikat il-kanzunetta Running Free minn Myca, Kylie & Denzel Jo u fit-tielet post On My Way kantata minn Yulan Law.

Il-kantanti riedu jgħaddu mill-għarbiel tal-voti tal-ġurija kif ukoll mit-televoting bil-piż tad-deċiżjoni kien maqsum min-nofs bejniethom.

Il-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest xxandret fis-sala Robert Sammut fil-Furjana.

Iżda lil hinn mill-kant x’beħsiebu jagħmel Ike mal-wasla tiegħu f’Pariġi?

“Se nieħu croissant taħt l-Eiffel Tower żgur!”, qalilna bi tbissima.