“Bejn 3 u 4 persuni fl-inċident ta’ Paqpaqli fil-periklu imminenti li jitilfu ħajjithom”

L-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, Dr Joseph Zarb Adami qal li bejn tlieta u erbgħa persuni li weġġgħu waqt l-inċident sfortunat tal-bieraħ waqt Paqpaqli għall-Istrina, għadhom jinsabu fil-periklu imminenti li jitilfu ħajjithom.

Waqt kollegament telefoniku fil-program TVAM, Dr Zarb Adami qal li ħames persuni għadhom qed jinżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, b’wieħed mill-pazjenti kellu jerġa’ jiġi operat matul il-lejl.

Dr Zarb Adami qal li l-vittmi sofrew minn diversi ksur f’saqajhom u oħrajn sofrew daqqiet fuq organi interni u fir-ras. Huwa spjega li l-pazjenti se jkollhom bżonn xhur sabiex jirkupraw.

FILMATI ESKLUSSIVI PKG_frame_2067

Fost dawk midruba serjament tifla’ ta’ sitt snin u ommha li jinsabu f’qagħda kemxejn aħjar. Fl-inċident tal-bieraħ indarbu b’kollox 26 persuna.

Dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei, l-Aġent Kap qal li l-istaff kien preparat sew għas-sitwazzjoni. Huwa qal li lbieraħ s-CT Scan kien għaddej bla waqfien bl-operazzjonijiet skedati ġew posposti. Huwa qal li l-Isptar qed jipprepara sezzjoni oħra għall-kura intensiva f’każ li jkun hemm bżonn.

Dwar is-sitwazzjoni tad-demm, Dr Zarb Adami qal li lbieraħ kellhom riserva adekwata iżda l-bżonn tad-demm jibqa’ dejjem.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ta ħajr lill-istaff mediku, fejn stqarr li fl-aħħar xhur in-numru ta’ cubicles irdoppja u għalhekk l-attività fid-Dipartiment tal-Emerġenza lbieraħ baqgħet għaddejja b’mod normali.

12076892_10206751721164609_1088228984_n

Mr Fearne ta ħajr ukoll lill-voluntieri tar-Red Cross għall-għajnuna immedjata tagħhom fil-paniku li nqala’ lbieraħ hekk kif is-super car baqgħet dieħla fin-nies.

Huwa rringrazzja wkoll lil dawk li lbieraħ stesss marru jagħtu d-demm u se jkomplu jagħtu d-demm illum hekk kif hemm bżonn li jsiru aktar operazzjonijiet.