Sport
Francesco Totti jaqta’ xewqtu: joħroġ jippassiġġa Ruma trankwill, ħadd ma jagħrfu

Il-personalitajiet, l-atleti u għadd ta’ persuni magħrufa oħra ma hemmx dubju li ekonomikament jgħixu fil-lussu. Madanakollu, kollox fih tiegħu. Aktarx li l-akbar uġigħ ta’ ras għalihom hija li dak li jkun hekk kif jirfes l-għatba tal-bieb ta’ barra l-kelma tiġri f’radda ta’ salib u f’kemm ili ngħidlek jibdew jinġemgħu n-nies. Kulħadd, jittanta xortih u javviċina lil dak li jkun bit-tama li jislet ritratt jew jiddobba xi firma.

F’dan l-isfond, l-eks captain u bandiera ta’ A.S. Roma, Francesco Totti, qatt ma rnexxielu joħroġ jippassiġġa Ruma bil-kwiet. Dan l-aħħar iżda, qata’ xewqtu.

F’dawn il-jiem, ġaladarba l-Italja bdiet tillaxka aktar miżuri b’rabta mal-pandemija, Totti sab ix-xoqqa f’moxtha biex flimkien ma’ martu, il-preżentatriċi Ilary Blasi permezz ta’ maskra mdaqqsa u liebes beritta joħroġ jagħmel passejn fit-toroq ewlenin ta’ Ruma bil-kwiet, mingħajr ħadd ma jagħrfu.

Fost l-oħrajn, Totti rnexxielu jieħu ritratt bla xkiel quddiem il-Fontana di Trevi, wieħed mill-aktar postijiet imfittxija mit-turisti fil-qalba tal-kapitali Taljana.

View this post on Instagram

Detto….fatto!!!

A post shared by Francesco Totti (@francescototti) on