Barranin
Franza b’investigazzjoni jekk il-Covid-19 daħal fil-pajjiż xahar qabel maħsub

Strateġiji differenti fi bnadi differenti tad-dinja bil-gvern ta’ New Zealand iwarrab għalkollox, almenu għalissa l-ħsieb li jerġa’ jiftaħ il-bibien għall-ivjaġġar ħlief lejn l-Awstralja. Mhux l-istess fl-ikbar stat tal-Ġermanja – il-Bavarja. Il-premier tal-Bavarja Markus Soeder iddikjara li l-għeluq tal-istabbilimenti tal-ikel f’dan l-istat ġab l-ekonomija għarkupptejha. Il-ħsara ekonomika qal Soeder hija ikbar mill-istraġi li ħalliet l-imxija tal-coronavirus. Huwa ħabbar li mit-18 ta’ Mejju l-istabbilimenti tal-ikel se jerġgħu jiftħu normali għan-negozju.

Bin-numru ta’ vittmi tal-Covid-19 joqrob lejn it-30,000, ir-Renju Unit riesaq biex ikollu l-għola ċifra ta’ mwiet fl-Ewropa bil-Coronavirus. Il-Prim Ministru Boris Johnson qed jiffaċċja kritika kontinwa għall-mod kif il-Gvern kaxkar saqajh u dam biex idaħħal ir-restrizzjonijiet ħalli jrażżan il-pandemija, ittardja biex beda jagħmel it-testijiet fil-kommunità u ma provdiex biżżejjed ilbies protettiv fl-isptarijiet.

Fl-aħħar sigħat fir-Renju Unit bil-coronavirus tilfu ħajjithom 693 u infettati hemm aktar minn 194,000.

Sadannatant il-kumpanija tal-ajru Virgin Atlantic qalet li ser tkeċċi 3,000 ħaddiem għax se tieqaf topera lejn Gatwick anke wara li tgħaddi l-pandemija. Il-Virgin Atlantic li tħaddem 10,000 ruħ qalet li se tnaqqas il-flotta minn 45 ajruplan għal 35 sa sentejn oħra.

Fi Franza, l-ewwel każ ta’ coronavirus kien identifikat fis-27 ta’ Diċembru meta persuna li daħlet l-isptar bil-pulmonite kellha l-coronavirus. It-tabib li kkurah qal li għamillu t-test u nstab li huwa pożittiv iżda l-pazjent li issa fiq qal li ma għandux idea minn fejn ħa l-virus.

Franza fuq rakkomandazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li ser tagħmel investigazzjoni biex tivverifika jekk hux veru li l-Coronavirus daħal fil-pajjiż xahar qabel huwa maħsub. Sadannatant il-ħaddiema qed jiddiżinfettaw l-iskejjel qabel jibdew jiftħu minn nhar it-Tnejn fejn mhux ser ikun permess li fil-klassijiet ikun hemm aktar minn 15-il student.

Fi Franza l-coronavirus qatel aktar minn 25,000 persuna u fl-aħħar jiem naqset ir-rata ta’ infezzjonijiet u mwiet.

L-Awstralja u New Zealand li implimentaw restrizzjonijiet iebsa fuq l-ivjaġġar u anke għalqu għalkollox il-fruntieri tagħhom qed jippjanaw li fi ftit taż-żmien ieħor jippermettu vjaġġi bejn iż-żewġ pajjiżi mingħajr mal-passiġġieri jkunu jenħtieġu li joqgħodu 14-il ġurnata kwarantina.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Arden qalet li l-pass jittieħed meta ż-żewġ pajjiżi jkunu lesti filwaqt li sostniet li l-ivjaġġar ma’ pajjiżi oħra ser jibqa’ magħluq għal żmien twil.

“I think simply the position that I would take on behalf of New Zealand is that when we feel comfortable and confident that we both won’t receive cases from Australia, but equally that we won’t export them, then that will be the time to move.”

Din il-miżura ser issir biex tingħata l-ewwel spinta liż-żewġ ekonomiji li bħalissa jinsabu pparalizzati. L-Awstralja issa laħqet kważi 7,000 każ ta’ coronavirus li minnhom 96 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li fi New Zealand mietu 20 persuna u l-każi telgħu għal 1,500.

 

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Jgħidu li l-mewt ma tistenna lil ħadd… u lanqas il-ħajja! Tarbija f’Beirut kienet waslet biex titwieled meta seħħet l-ewwel splużjoni ta’ jumejn ilu, li farrket il-ħġieġ tas-sala tal-isptar. Il-mument inqabad…

Barranin

It-tieni jum wara l-isplużjoni li heżżet il-kapitali Lebaniża, Beirut, fost sens qawwi ta’ xokk u rabja l-poplu kompla jnaddaf il-ħerba li sab ruħu fiha. S’issa mal-160 persuna kienu kkonfermati mejta…

Storja

Ħamsa u sebgħin sena ilu bħal-lum, id-dinja nħasdet. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha sejra fil-Paċifiku meta l-Istati Uniti tefgħet bomba atomica fuq Hiroshima u tliet ijiem wara fuq Nagasaki. L-effett…

COVID-19

Franza, Spanja u l-Greċja kien fost il-pajjiżi Ewropej li rreġistraw żidiet rekord tal-każijiet ġodda ta’ coronavirus u nisslu biża’ li din tista’ tkun it-tieni mewġa tal-pandemija fl-eqqel tal-btajjel tas-sajf. F’24…

Aktar