Barranin
Franza b’konsultazzjoni fi protesta kontra ftehim għall-bini ta’ sottomarin nukleari

Franza qalet li qed issejjaħ lill-ambaxxaturi tagħha fl-Istati Uniti u fl-Awstralja għal konsultazzjoni fi protesta kontra ftehim dwar is-sigurtà li fih huwa involut ukoll ir-Renju Unit. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż qal li din id-deċiżjoni hija ġustifikata minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni.

L-alleanza magħrufa bħala Aukus, se tara lill-Awstralja tingħata it-teknoloġija biex tibni sottomarini nukleari. Din il-mossa rrabjat lil Franza għaliex se tkun qed tarmi ftehim ta’ biljuni kbar ta’ dollari li kienet iffirmat mal-Awstralja.

Il-ftehim qed jitqies bħala sforz li jwieġeb għall-influwenza Ċiniża fis-South China Sea. Il-ftehim tħabbar l-Erbgħa mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison.

Franza kienet infurmata bl-alleanza sigħat biss qabel il-ftehim sar pubbliku.