Franza tisforza lis-supermarkets jagħtu l-ikel li ma jbigħux għall-karità

B’liġi ġdida Franiċiża li tfasslet biex tindirizza l-ħela fl-ikel, supermarkets Franċiżi se jiġu projbiti milli jarmu jew jeqirdu ikel li ma jbigħux. Minflok iridu jagħtuh b’donazzjoni lil għaqdiet tal-karità jew għaqdiet biex jitimgħu l-annimali.

Il-Parlament Franċiż vvota unanimament biex tgħaddi din il-liġi fid-dawl li fil-pajjiż hemm qasma kbira bejn kumpanija kbar tal-ikel u nies li jsibuha diffiċli jsibu x’jieklu.

F’konsensus rari, il-membri parlamentari ngħaqdu biex b’mod urġenti jkunu mgħejjuna l-għaqdiet tal-karità li huma “ddisprati” għall-ikel.

Supermarkets mhux se jitħallew jeqirdu apposta ikel li ma nbiegħx biex ma jkunx jista’ jittiekel. Bil-liġi, supermarkets ta’ 400 metru kwadru jew aktar iridu jiffirmaw kuntratt m’għaqdiet tal-karità sa Lulju tas-sena d-dieħla jew inkella jaffaċċjaw penali inkluż multi sa €75,000 jew sentejn ħabs.

Fl-aħħar snin, il-media Franċiża spiss irraportaw dwar familji foqra, studenti, nies qegħda jew nies bla saqaf fuq rashom jfittxu f’laned taż-żibel tas-supermarkets bil-lejl biex isibu x’jieklu u ħafna drabi jsibu ikel li jkun għadu tajjeb u li jkun intrema qabel id-data li jingħad li jkun se jiskadi.