Barranin
F’Ruma: Mixlija li biċċru u qatlu student Taljan – il-ġenituri jridu l-verità

Sabir Tariq, Usham Helmi, Athar Kamel Mohamed Ibrahim u Magdi Ibrahim Abdelal Sharif se jitressqu l-Qorti mixlija li qatlu lill-istudent Taljan Giulio Regeni fl-2016.

L-erba’ akkużati huma membri tal-forzi tas-sigurtà tal-Eġittu. Huma qed jiġu akkużati li ħatfu, ittorturaw u qatlu lil Regeni. Madankollu, l-akkużati mhux se jkunu preżenti fl-awla, tant li l-ġuri jaf ma jreġġix. Dan, peress li għadu mhux mifhum jekk l-erba’ suspettati jafux li qed jitressqu l-Qorti, kif mitlub bil-liġi. L-awtoritajiet Eġizzjani rrifjutaw li jagħtu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

Fi kliem il-prosekuturi Taljani, Regeni kien ilu l-ġimgħat jiġi sorveljat għax kien maħsub li kien spija. Qalu, li qabel ma nqatel, Regeni qala’ daqqiet ta’ sieq, ġie msawwat bil-ponn, ġie ferut b’arma bil-ponta u sofra xi ħruq.

L-awtoritajiet Eġizzjani ċaħdu l-allegazzjonijiet u għalqu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-qtil ta’ Regeni s-sena li għaddiet. Ikkonkludew, li l-qattiel tal-istudent jibqa’ mhux magħruf.

Preżenti għall-ġuri, fost l-oħrajn, omm u missier Regeni, Claudio u Paola, bil-għan li jsiru jafu l-verità dwar il-mewt ta’ binhom.

Regeni, li kellu 28 sena, għeb fil-25 ta’ Jannar tal-2016 waqt li kien qed jistħarreġ dwar it-trade unions indipendenti fl-Eġittu għad-dottorat tiegħu. Ġimgħa wara, is-sejba tal-katavru tiegħu, imbiċċer, f’foss qrib Kajr.

Il-qtil ta’ Regeni xeħet fi kriżi r-relazzjoni tajba li kien hemm bejn l-Italja u l-Eġittu.