Barranin
F’Ruma: Nifduh f’qalbu għal €100

Ċittadin Amerikan li lbieraħ kien fost tnejn arrestati fuq serq ta’ basket f’Ruma fl-Italja, ammetta li kien hu li qatel il-pulizija Taljan li kien qed jarrestah. Il-pulizija Mario Cerciello Rega ta’ 35 sena nqatel kiesaħ u biered bi tmien daqqiet ta’ sikkina, waqt li kien qed jikkonfronta l-ħallelin li serqu basket li ftehmu li jerġgħu jbiegħuh lis-sid għal €100.

Jidher li l-ħallelin kienu għadhom kemm xtraw id-droga mingħand sid il-basket iżda ntebħu li minflok droga tahom aspirina. Kien għalhekk li huma serqulu l-basket biex iġibu flushom lura.

Sid il-basket ċempel lill-pulizija jirrapporta li serqulu l-basket u meta l-pulizija marru fit-toroq ta’ Ruma u sabu lill-ħallelin, ġew fl-idejn. Kien f’dan il-ħin li l-ħallelin qatlu lil wieħed mill-pulizija.

Cerciello Rega kien ilu biss xahar li ngħaqad fis-sagrament taż-żwieġ.