Politika
F’sena daħlu 311-il applikazzjoni għall-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment

Bejn nofs l-2018 u nofs is-sena li għaddiet, l-Aġenzija tal-programm ta’ ċittadinaza b’investiment irċeviet 311-il applikazzjoni, dsatax inqas mill-istess perjodu s-sena ta’ qabel, b’żidiet fl-applikazzonijiet mill-Ażja u l-Ewropa. Mindu beda l-programm, l-introjtu tal-gvern qabez it-tmien mitt miljun ewro.

Fir-rapport annwali tiegħu, ir-regolatur tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment qal li x-xejra tat-tnaqqis hi riżultat ta’ kompetizzjoni akbar minn programmi simili ta’ pajjiżi oħrajn, waqt li rrakkomanda li l-aġenti li jippreżentaw applikazzjonijiet ta’ kwalità baxxa għandu jsirulhom sanzjonijiet.

F’perjodu ta’ sena bejn l-1 ta’ Lulju 2018 u t-30 ta’ Ġunju 2019, l-Aġenzija tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ġabret kważi €163 miljun mill-applikanti tal-IIP, biex issa t-total ta’ kontribuzzjonijiet miġbura mill-bidu ta’ dan il-programm laħaq kważi €835 miljun.

Kważi żewġ terzi minnhom, jew ftit aktar minn €514.6 miljun marru fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, u €220 miljun oħra fil-Fond Konsolidat għall-budget tal-gvern.

Skont ċifri ppubblikati mir-Regolatur tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li jiffoka fuq il-perjodu bejn Lulju tal-2018 u l-aħħar ta’ Ġunju li għadda, juru li l-aġenzija rċeviet 311-il applikazzjoni; 19 inqas mis-sena ta’ qabel.

F’medda ta’ sena ġew approvati 237 applikazzjoni, erbatax-il applikazzjoni aktar mis-sena ta’ qabel. Sa mill-bidu tal-programm, ġew approvati kważi 1,200 applikazzjoni (1,198), sitt mija (limit – 1,800) inqas mill-kwota li jistgħu jiġu aċċettati bil-liġi preżenti.

Kważi nofs l-applikanti ġew mill-Ewropa, waqt li terz tal-applikazzjonijiet kienu mill-Ażja minn fejn irduppjaw f’temp ta’ tliet snin. It-tielet l-ikbar grupp ta’ applikanti kien mil-Lvant Nofsani.

L-applikanti approvati wara proċess rigoruż ta’ verifika huma obbligati jikru jew jixtru propjetà f’Malta għall-perjodu stabbilit mil-liġi. Sa mill-bidu tal-programm inxtraw 144 propjetà u qed jinkrew ftit iktar minn disa’ mitt residenza. L-applikanti, minbarra l-ħlas lill-aġenzija tal-gvern, huma obbligati jinvestu sa €150,000 fi stocks jew bonds, u li jgħaddu donazzjoni lil għaqdiet mhux governattivi.

Ir-regolatur Carmel Degabriele osserva li t-tnaqqis fl-applikazzjonijiet hu riżultat ta’ kompetizzjoni akbar minn programmi simili f’pajjiżi oħrajn. Waqt tenna d-diżappunt tiegħu li l-ebda missjoni barranija li ġiet Malta biex tirrapporta fuq dal-programm, m’għamlet kuntatt mal-Uffiċċju li jmexxi.

Ir-Regolatur tal-IIP qal li ċ-ċifri juru li l-programm qed jikkontribwixxi bil-kbir lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Wera t-tama li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni, isiru emendi biex il-programm biex ikun aktar dinamiku u attrajenti. Fir-rapport, ir-Regolatur irrakkomanda li l-aġenti li jagħmlu applikazzjonijiet għall-klijenti li minn riċerka preliminari jkunu jafu li m’humiex eliġibbli, għandhom jiġu sanzjonijiet.

Fir-rigward tal-aġenti akkreditati jilqgħu applikazzjonijiet tal-IIP, in-numru sa nofs l-2019 kien ta’ 134, 25 aġent inqas mis-sena ta’ qabel.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kiteb lill-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Donald Tusk fejn talab li jsir summit urġenti bil-video conference tal-PPE biex jiġi diskuss il-pożizzjoni tal-partit Ungeriż Fidesz. Dr Delia…

Pulizija

Għall-ewwel darba, il-Kummissarju tal-Pulizija se jibda jinħatar b’sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament. Dan hekk kif il-Parlament ilbieraħ approva metodu ġdid kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija….

Politika

Il-Partit Nazzjonalista ressaq sitt proposti relatati fosthom għal roħs ta’ 50% fil-kontijiet tad-dawl u biex l-prezzijiet tal-fjuwils jorħsu sa 30 ċentezmu fuq kull litru. Il-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius qal…

Politika

Jum il-Ħelsien serva ta’ sfond għall-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien fuq l-istess linja ta’ ħsieb tal-messaġġ tal-bieraħ tal-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela. F’messaġġ…

Aktar