Forzi Armati
F’sentejn intużaw 1,000 tunnellata azzar għall-patrol boat ġdida tal-FAM 

Rajnieha fl-aħbarijiet tiġi varata din il-ġimgħa minn tarzna fl-Italja, patrol boat il-ġdida tal-Forzi Armati. Ix-xogħol issa se jidħol f’fażi oħra li twassal għall-istallazzjoni tat-tagħmir kollu biex il-lanċa tkun attrezzata għall-ħidmiet militari varji fosthom operazzjonijiet delikati bis-sehem ta’ skwadra speċjalizzata ta’ suldati. Dan l-artiklu jeħodna dawra ma’ sentejn xogħol fil-ħames livelli tal-lanċa.

Bħal dan iż-żmien sentejn ilu, b’dan il-mudell to scale tal-patrol boat kienu għaddejjin testijiet kruċjali biex ikun aċċertat li l-lanċa kif disinjata tilħaq ir-rekwiżiti tal-kuntratt fosthom fil-veloċità u l-moviment f’baħar qawwi. Fl-istess żmien kienu qed jinqatgħu l-pjanċi li bdew jingħaqdu f’April 2019. Minn dakinhar, fit-tarzna tal-kumpanija Cantiere Navale Vittoria – fin-naħa ta’ fuq tal-Italja – intużaw mal-1,000 tunnellata ta’ azzar u 60 tunnellata ta’ aluminium biex tlesta l-qafas tal-akbar patrol boat fl-istorja tal-Forzi Armati. Ix-xogħol sar taħt superviżjoni ta’ uffiċjali tal-armata Maltija li ilhom fit-tarzna mill-bidunett, bil-Kap Kmandant Jeffrey Curmi jispjega li minn żmien għal ieħor telgħu diversi suldati mill-Iskwadra Marittima.

“Hi lanċa state of the art u hemm l-impenn u l-parteċipazzjoni tas-suldati tagħna fuqha. Kull ma qed jinbena, all right kollox according to specifications li aħna tlabna, imma mbagħad ikun hemm ċerta irqaqat ta’ fejn wieħed jista’ jwaħħal ċerti affarijiet li s-suldati qed jagħtu l-pariri tagħhom għax at the end of the day huma se jużawha l-lanċa.”

Il-lanċa hi mifruxa fuq ħames livelli. Fi żjara abbord, fil-livell li jkun kompletament taħt il-baħar, ġew stallati ż-żewġ magni li jħaddmu l-iskrejjen. Hemm ukoll żewġ muturi elettriċi li jistgħu jintużaw flok il-magni l-kbar meta l-lanċa tbaħħar sa nofs il-veloċita’ massima li tilħaq/ Il-lanċa għandha 4 generators u ieħor ta’ emerġenza li jagħtu l-elettriku lis-sistemi abbord. Fuq quddiem ta’ dan il-livell hemm l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ, impjant li jibdel ilma baħar f’ilma ħelu, tagħmir li jsaħħan l-ilma, cold store u faċilità għall-ħażna tal-ikel.

B’qoxra doppja, taħt dan il-livell hemm it-tankijiet tal-ilma u tal-fjuwil. Apparti l-fjuwil għaliha, il-P71 se jkollha wkoll wkoll ħażna ta’ żewġ tipi oħra ta’ fjuwil f’każ li jkun meħtieġ tagħti lill-helikopter jew laneċ oħra tal-armata.

Eżatt fuq il-livell tal-baħar: it-tieni livell. Fuq wara hemm l-ispazju għal dinghy li jibqa’ dieħel dritt mill-baħar, il-control room tal-magni, spazju għal akkomodazzjoni tas-suldati, workshops żgħar għal tiswijiet li jkunu jridu jsiru fuq il-baħar u gym.

Fit-tielet livell se tkun stallata l-kċina, spazju għall-ikel, akkomodazzjoni u uffiċini, u l-armerija.

Iż-żewġ livelli li jifdal jiffurmaw parti mis-super structure li l-qafas tagħha hu lest u sa nofs dan ix-xahar se tkun f’postha u wweldjata mal-kumplament. Il-gverta fuq quddiem tar-raba’ livell hi riżervata għall-kanun. Fuq wara: spazju għall-helikopter jew jistgħu jittellgħu abbord vetturi u containers f’każi fost oħrajn ta’ missjonijiet umanitarji. Fil-ġenb se jkun hawn it-tieni dinghy. Fuq wara tal-istruttura garaxx, control room għall-helikopter, l-akkomodazzjoni u faċilitajiet għall-fizzjali u ċentru mediku żgħir.

Fuq nett dedikat għall-briġġ minn fejn issir in-navigazzjoni u ċ-ċentru tal-operazzjonijiet li tkun qed twettaq il-lanċa.

“Qgħadna ħafna attenti li nkunu kapaċi nżommuha lanċa bħal din. Ridna nsibu bilanċ bejn it-teknoloġija moderna, bejn l-apparat li se nagħmlu fuqha, però ridna nsibu bilanċ ukoll li ħana nkunu kapaċi nżommuha.”

Fil-ġranet li ġejjin ix-xogħol se jidħol f’fażi oħra meta bil-lanċa trakkata ma’ moll tingħata spinta lill-istallazzjoni tas-servizzi abbord u jibda jitwaħħal it-tagħmir fosthom għal ħidmiet militari. B’tul ta’ kważi 75 metru u wiesgħa 13-il metru, il-P71 se ttellà veloċita ta’ ‘l fuq minn 20 knot Il-lanċa se topera b’ekwipaġġ ta’ aktar minn 40 persuna u tista’ tilqa’ abbord 20 suldat ieħor mill-iSpecial Operations Unit.