Temp
F’Settembru: Irreġistrati kważi d-doppju tas-sajjetti meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena l-oħra

Matul il-ġurnata tal-lum, minn ħin għal ieħor, faqqgħu diversi sajjetti.

L-aktar żmien tas-sena li fih ifaqqgħu sajjetti għadda; ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru. L-Università ta’ Malta tosserva u tanalizza s-sajjetti, bir-riċerkatur Adam Gauci jgħid li meta mqabbel mal-aħħar tliet snin, din is-sena faqqgħu aktar sajjetti.

F’Settembru li għadda biss ġew reġistrati 551 sajjetta fuq il-gżejjer Maltin: kważi d-doppju tal-istess xahar is-sena l-oħra. Dawn ma jinkludux sajjetti fuq il-baħar.

Fil-maltempata li laqtet il-gżejjer Maltin fl-14 ta’ Settembru li għadda seħħew kważi erba’ mitt sajjetta. Kważi nofshom ġew reġistrati bejn is-sagħtejn u t-tlieta ta’ waranofsinhar. Dawn jirrappreżentaw kważi tliet kwarti tas-sajjetti kollha f’dak ix-xahar. L-aktar li ntlaqtu kienu Għawdex u Kemmuna.

Adam Gauci, lettur fit-taqsima tax-xjenza fl-Università ta’ Malta, irrimarka li waħda mill-aktar sajjetti b’saħħithom laqtet in-Nadur.

”Qrib Isopu tower fejn hemm ukoll għamlitilna ħsara fl-electronics li għandna f’dawk l-inħawi.”

Is-sajjetti madwar il-gżejjer Maltin ilhom jiġu osservati u analizzati mill-2014 permezz ta’ tagħmir apposta fl-istazzjon li l-Università għandha fin-Nadur.  Dr Gauci spjega li għall-ewwel dan it-tagħmir kien stallat fl-Università imma dan is-sajf ġie trasferit għal Ta’ Isopu fin-Nadur minħabba li l-post huwa aktar ħieles mill-interferenzi.

”Dan bażikament huwa strument li jifforma parti min-network Ewropew fejn għandek numru ta’ stazzjonijiet imferrxin madwar l-Ewropa kollha li qegħdin bejn mitejn u mitejn u ħamsin kilometru ‘l bogħod minn xulxin.

In-network Ewropew hu kkontrollat mill-Università ta’ Munich.

”Bażikament inti meta jkollok sajjetta din titfa’ electromagnetic pulse li taħbat ma’ dawn l-istazzjonijiet f’ħinijet differenti. Issa billi tkejjel dik id-differenza żgħira fil-ħin tkun tista’ tikkalkula fejn seħħet is-sajjetta u l-intensità tagħha.”

Dr Gauci żied jgħid li l-informazzjoni dwar is-sajjetti tintuża l-aktar mis-settur tal-avjazzjoni u mill-kumpaniji tal-enerġija u telekomunikazzjoni, kif ukoll għar-riċerka.