Infrastruttura
F’Settembru jiftaħ il-Valletta Design Cluster wara investiment ta’ €10m

Dik li kienet il-Biċċerija l-Antika lejn in-naħa t’isfel tal-Belt, mix-xahar id-dieħel se tkun il-Valletta Design Cluster – proġett li ser ikun wirt ieħor li jibqa’ minn fost kullana ta’ inizjattivi li ttieħdu meta sentejn ilu l-Belt kienet il-kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-Valletta Design Cluster se jkun spazju kreattiv u artistiku li għandu l-għan li jkattar l-espressjoni kreattiva f’Malta.

Fi tmiem is-Sajf se jiġi inawgurat proġett b’investiment ta’ €10 miljun, parti minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea, fin-nofsinhar tal-Belt, ħdejn il-Berġa tal-Baviera.

Il-binja li fi żmien il-Kavallieri kienet biċċerija tal-annimali u dokumenti storiċi juru li fi żmien l-Ingliżi ntużat bħala barracks għas-suldati serviet ukoll bħala post li kien jintuża mill-operaturi fis-settur tal-manifattura, bħal dawk li jaħdmu fil-qoton.

Wara li l-bini safa abbandunat għal bosta snin, fl-2016 dik li kienet il-Fondazzjoni Valletta 2018, identifikat l-ispazju bħala sit ideali biex jintuża għat-tkattir tal-karattru kulturali u storiku tal-Belt.

“Aħna bħala aġenzija kulturali tal-Belt Valletta qegħdin niffukaw ħafna fuq il-legami li hemm bejn dak li nixtiequ nużaw il-post illum u r-raġunjijet għaliex kien jintuża fil-passat, aħna rajna li dan il-post jista’ jintuża bħala spazju li jagħti lok għall-kreattività, mhux biss imma imma kreattività flimkien mal-komunità li tgħix f’dan il-post. Il-gvern tul dawn l-aħħar snin enfassiza ħafna fuq ir-riġenerazzjoni fuq din il-parti tal-belt, u din hija wkoll parti mir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta,” qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali Valletta, Catherine Tabone.

Il-kunċett beda jingħata l-ħajja bl-ispazju jinbidel f’post fejn il-komunità Beltija u l-artisti se jkunu jistgħu ikomplu jiżviluppaw l-identità kulturali u artistika tagħhom

Ix-xogħol ta’ restawr u tisbiħ tal-binja waslu fl-aħħar fażi, biex fi ftit ġimgħat se jkun varat il-proġett li hu mqassam fuq tliet livelli, bil-livell mat-triq jipprovdi spazju b’ faċilitajiet komuni li jistgħu jintużaw mir-residenti, studenti, individwi li jaħdmu għal rashom, artisti u oħrajn li jaħdmu fil-qasam kulturali u kreattiv.

Fil-pjani l-oħra, se jkun hemm ukoll spazji li jservu bħala uffiċini, studios u spazju kulinarju.

Il-Manager tal-Valletta Design Cluster, Caldon Mercieca, qal li l-ispazji huma maħsuba li joffru faċilitajiet għal dawk li jixtiequ jiżviluppaw it-talenti tagħhom b’aċċenn fuq l-iżvilupp ta’ disinji personalizzati minn perspettivi multidixxiplinarji.

“Dawn huma spazji li bħalissa ma jeżistux fuq livell ta’ aċċessibiltà fs-settur kulturali u kreattiv u huma intenzjonati li jgħinu u jipprovdu pjattaforma li jixtieq jibda inizjattiva f’dawn l-oqsma tal-ikel, manifattura fis-settur kulturali u kreattivit f’oqsma varji,” qal il-Manager tal-Aġenzija Kulturali Valleta, Caldon Mercieca.

Il-bejt tal-Valletta Design Cluster se jkollu ġnien b’tema Mediterranja li huwa disinjat minn perit Ġappuniż u se jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar