Lokali
F’Settembru li għadda l-għadd ta’ persuni b’impjieg full-time żdied b’4.6%

F’Settembru li għadda l-għadd ta’ persuni b’impjieg full-time żdiedu b’4.6% waqt li n-numru ta’ ħaddiema b’impjieg part-time bħala x-xogħol primarju tagħhom naqas b’9.9 % meta mqabbel ma’ Settembru tal-2019.

Skont data amministrattiva miġbura minn Jobsplus u ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’perjodu ta’ sena l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol kienu jammontaw għal kważi 235 elf (234,964), żieda ta’ 5.4% fuq is-sena ta’ qabel.

L-Uffiċċju tal-Istatistika qal li dan seħħ riżultat ta’ żieda ta’ aktar minn għaxart elf u mitejn impjieg full-time u żieda ta’ elf u seba’ mija u sbatax f’dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sa Settembru li għadda. L-impjiegi full-time mal-privat żdiedu bi ftit inqas minn disat elef (8,813) waqt li l-impjieg full-time fis-settur pubbliku żdiedu b’1,405.

Iċ-ċifri juru wkoll li l-peruni rreġistrati bħala full-time self-employed żdiedu bi kważi elfejn u ħames mija (2,476) meta mqabbel ma’ Settembru tal-2019 waqt li n-numru ta’ persuni reġistrati bħala ħaddiema żdiedu bi ftit iktar minn sebat elef u seba’ mija (7,742).

Skont l-istess statistika, sal-aħħar ta’ Settembru n-numru ta’ persuni b’impjieg part-time naqsu bi 3.1 fil-mija waqt li l-part-timers li għandhom ukoll impjieg full-time żdiedu b’ħamsa fil-mija f’temp ta’ sena.