Infrastruttura
F’Settembru se jinfetħu l-ewwel żewġ flyovers tal-Marsa

Infrastructure Malta qalet li aktar minn terz tal-proġett tal-junction il-ġdida tal-Marsa huwa lest, u fis-sigħat li ġejjin se jidħlu fis-seħħ arranġamenti ġodda tat-traffiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, qal lil Television Malta li sal-aħħar ta’ Settembru se jinfetħu l-ewwel żewġ flyovers li minn Triq Garibaldi jagħtu għal Triq Aldo Moro.

L-Inġinier Azzopardi żied jgħid li x-xogħol miexi skont l-iskeda u l-proġett kollu mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Bix-xogħol għaddej sebat ijiem fil-ġimgħa, anke bil-lejl, il-flyovers tal-Junction tal-Marsa bdew jieħdu sura, u sal-aħħar tax-xahar id-dieħel ser jinfetħu żewġ flyovers. Infrastructure Malta qalet li lestiet 35% tal-proġett u x-xogħlijiet fuq l-istrutturi tal-ewwel żewġ flyovers waslu fi tmiemhom.

L-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li l-aħħar ta’ Settembru se jinfetħu żewġ flyovers li se jgħaqqdu l-karreġġjata lejn it-Tramuntana ta’ Triq Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro.

L-Inġinier Azzopardi qal li għall-ewwel, din il-karreġġjata se tintuża fid-direzzjoni opposta minn kif ippjanat, minn Triq Aldo Moro lejn Ħal Luqa u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Spjega li dan it-tibdil se jsir biex filwaqt li jonqos il-volum tal-karozzi fil-korsiji eżistenti, jitkompla l-bini tal-bqija tal-istrutturi f’dan l-akbar proġett tat-toroq li qatt sar f’Malta.

Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun, parti minnhom minn fondi Ewropej, jikkonsisti fil-bini ta’ 5 flyovers oħrajn li x-xogħol fuqhom miexi ġmielu. Intqal li tlestew aktar min-nofs il-kolonni li hemm bżonn għall-proġett kollu. L-istruttura tal-azzar tat-tielet flyover se tibda tieħu l-forma x-xahar d-dieħel.

“Il-proġett huwa on target. Il-milestones qegħdin nilħquhom u ppjanat li sal-aħħar tas-sena d-dieħla dan il-proġett ikun lest,” qal l-Inġinier Azzopardi.

Il-proġett se jinkludi wkoll il-bini ta’ faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini, korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi u żona ta’ park & ride.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjana ndarbet gravi wara li ntlaqtet minn karozza. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8am fi Triq Desain, il-Birgu. Il-Pulizija qalet li raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien kien qed isuq vettura…

Lokali

Stennija għall-Budget hekk kif illum il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament jippreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla li huwa t-tielet Budget tal-Gvern f’din il-leġislatura. TVM ħejja skeda speċjali ta’ xandir tal-Budget. Ix-xandira fuq…

Aktar