Lokali
AĠĠORNAT: F’Settembru se tibda tinħatt iċ-ċumnija tal-impjant l-antik ta’ Delimara

Mix-xahar id-dieħel se tibda tinħatt l-itwal struttura f’Malta, iċ-ċumnija tal-ewwel impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara, b’għoli ta’ 150 metru.

It-twaqqigħ taċ-ċumnija se jsir wara li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi approvat l-permessi kemm biex tinħatt din iċ-ċumnija u l-ewwel impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li kien sar f’Delimara, kif ukoll biex l-Enemalta tkompli żżarma l-impjant tal-Power Station tal-Marsa.

Hu mistenni li ż-żarmar taċ-ċumnija, il-boilers u l-impjant kollu tal-Marsa jintemmu sal-bidu tas-sena d-dieħla. Fl-impjant tal-Marsa, l-Enemalta ser jibqa’ jkollha turbina waħda u tank tal-ħażna li jopera f’każ t’emerġenza.

L-Awtorità ħarġet dawn il-permessi ambjentali għal perjodu t’erba’ snin b’numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jkunu osservati anke fl-iżmentallar taż-żewġ impjanti biex ikunu mħarsa r-regoli ambjentali.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi qal li din hija turija ċara li dan il-Gvern irid politika bbażata fuq enerġija nadifa. Fi stqarrija, il-Ministru qal li l-Gvern irid jagħti nifs ġdid lir-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta li skont il-Ministru batew mhux biss minħabba din il-ġerħa ambjentali, iżda anke minn mard respiratorju u trabijiet fl-arja.

Ara wkoll:

Għada jiġi deċiż kif se tinħatt iċ-ċumnija l-kbira ta’ Delimara