Barranin
F’Singapore raġel jiġi kkundannat għall-mewt f’seduta fuq Zoom

Singapore baqa’ f’lockdown minħabba ż-żieda fl-infezzjonijiet tal-Covid-19 iżda dan ma żammx lid-diversi istituzzjonjiet tal-pajjiż milli jkomplu jiffunzjonaw bl-użu ta’ pjattaformi diġitali.

Punithan Genasan, raġel ta’ 37 sena ġie kkundannat għall-mewt waqt seduta li saret permezz tal-app Zoom, għar-rwol tiegħu f’każ ta’ traffikar ta’ droga li seħħ fl-2011.

Dan immarka l-ewwel każ fejn ingħatat sentenza ta’ piena tal-mewt fuq il-mezzi diġitali f’Singapore.

Gruppi tad-drittijiet tal-bniedem argumentaw li l-għoti tal-piena tal-mewt fi żmien meta d-dinja għaddejja minn pandemija huwa disgustanti.

Il-maġġoranza tas-seduta f’Singapore ġew differiti għal mill-anqas l-ewwel ta’ Ġunju meta hu mistenni li jintemm il-lockdown iżda l-kawżi meqjusa essenzjali qed isiru fuq pjattaforma diġitali.

L-avukat ta’ Genasan, Peter Fernando qal li l-klijent tiegħu qed jikkunsidra li jappella mis-sentenza.

Singapore tadotta tolleranza żero għat-traffikar tad-drogi. Fl-2013, 18-il persuna ġew ikkundannati għall-mewt, l-ogħla ċifra fl-aħħar 20 sena. Ħdax minnhom kienu nstabu ħatja ta’ traffikar ta’ droga.