Barranin
F’Singapor: Raġel omosesswali jirbaħ id-dritt li jadotta lil ibnu

L-ewwel każ mirbuħ fil-qorti tax-xorti tiegħu f’Singapor – raġel omosesswali rebaħ id-dritt li jadotta lill-ibnu li twieled erba’ snin ilu.

Ir-raġel, li għandu 46 sena, flimkien mal-partner tiegħu, riedu t-tfal u għalhekk irrikorrew għall-proċedura tas-surrogacy fl-Istati Uniti.

Il-proċess, li huwa illegali f’pajjiżhom, swiehom mal-$200,000 (£159,000).

Ir-raġel ipprova jadotta lill-ibnu legalment iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda s-sena l-oħra fejn spiċċa mingħajr l-ebda drittijiet legali bħala ġenitur.

F’Singapor, anke ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa pprojbit u illegali u għalhekk, l-iben li llum għandu 4 snin, f’għajnejn il-liġi, kien meqjus bħala wild illeġittimu għalhiex kemm il-missier u kemm l-omm surrogate mhumiex miżżewġin. Barra minn  hekk, il-fatt li omm it-tifel hija barranija wasslet biex trendi lit-tifel ineliġibbli għaċ-ċittadinaza ta’ Singapore.

Iżda l-folja se tinbidel għall-missier u l-iben billi, wara 4 snin ta’ qtigħ il-qalb, il-missier ingħata d-dritt li jrabbi u jkun il-ġenitur ewlieni tal-iben.

Il-liġi tal-pajjiż tiddetta li t-tfal jistgħu jiġu adottati kemm minn koppji miżżewġin kif ukoll minn persuni waħedhom. Iżda peress li dan ir-raġel ma jistax jiżżewweġ lill-partner tiegħu legalment, se jkollu jadotta lill-ibnu bħala persuna waħedha.