Barranin
F’Singapore: tifel ta’ 16-il sena joqtol tifel ieħor b’mannara fi skola

Tifel ta’ 16-il sena f’Singapore ġie akkużat bi qtil ta’ student ieħor ta’ 13-il sena.  Ilbieraħ, il-pajjiż kien jinsab taħt xokk wara li l-Pulizija ġie mgħarrfa li fi skola nstab katavru ta’ tifel ta’ 13-il sena fil-kamra tal-banju.

B’rabta mal-qtil instabet mannara, li skont il-Ministru għall-Intern l-akkużat xtraha minn fuq l-internet. Mill-ewwel investigazzjonijiet ħareġ li ż-żewġ subien ma kinux jafu lil xulxin.

Kawża tal-inċident, l-iskola River Valley High School marret f’lockdown, bi studenti nżammu fil-klassijiet. Huma tħallew joħorġu wara li l-akkużat ġie arrestat.

Dalgħodu, fil-Qorti, it-tifel ta’ 16-il sena kien akkużat bi qtil, liema akkuża tista’ twassal għall-piena tal-mewt. Madankollu, peress li huwa taħt l-età aktarx qed jaffaċċja sentenza ta’ għomor il-ħabs.  Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex it-tifel jinżamm taħt arrest preventiv. Qalet li huwa kien pazjent f’istituzzjoni tas-saħħa mentali, wara li kien ipprova joqtol lilu nnifsu fl-2019.

Dan il-każ ixxokkja lill-pajjiż minħabba li vjolenza bħal din hija vera rari fl-iskejjel. Singapore għandha waħda mill-inqas rati ta’ kriminalità fid-dinja.