Immigrazzjoni
Ftehim bejn pajjiżi Ewropej dwar il-każi ta’ 2 vapuri li salvaw 477 immigrant

Riżolti bi ftehim bejn pajjiżi Ewropej żewġ każi ta’ vapuri ta’ għaqdiet volontarji li bejniethom salvaw 477 immigrant. Il-vapur Ocean Viking b’400 immigrant daħal f’Port Taljan filwaqt li 77 immigrant ieħor li jinsabu fuq il-vapur Alan Kurdi ser jiġu trasferiti fuq patrol boat tal-Forzi armati u jinġiebu Malta.

Fi stqarrija tal-gvern intqal li bil-ftehim milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi Ewropej imsejjes fuq is-solidarjetà, Malta ser iżżomm 50 minn dawn l-immigranti. Intqal li d-diskussjoni dwar it-tqassim tal-immigranti kemm dawk li żbarkaw fl-Italja kif ukoll dawk li ser jinġiebu Malta għadhom għaddejjin bejn diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istqarrija ntqal li Malta u l-Italja flimkien mal-Kummissjoni Ewropea ħadmu flimkien biex tkun żblukkata l-problema ta’ dawn l-immigranti li ġew salvati mill-vapuri tal-NGO’s fl-aħħar jiem.

Il-gvern tenna li Malta qed tagħmel parti tagħha biex tinstab soluzzjoni għal dawn is-sitwazzjonijiet waqt li insista li Malta qed tagħmel iktar minn dak li tiflaħ għas-solidarjetà. Żied jgħid li Malta qed terfa’ piż sproporzjonat. Il-Gvern Malti tenna l-messaġġ li wassal il-Prim Ministru Robert Abela lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej li ltaqa’ magħhom fi Brussell fejn insista fuq il-bżonn li l-pajjiżi l-oħra jagħtu wkoll sehemhom għal soluzzjoni Ewropea.