Lokali
Ftehim biex il-flotta ta’ 870 vettura tal-Gvern jinqalbu għall-elettriku

Pass ieħor fis-settur pubbliku biex jibdel il-flotta tal-vetturi minn fjuwil li jniġġes għal elettriku jew hybrid.

Skont il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar is-Servizz Pubbliku se jsir iktar effiċjenti fi sforz biex ikompli jaġġorna ruħu u jkun fuq quddiem fit-tħaddim ta’ prattiċi ambjentali.

Iffirmat ftehim li bih se ikun qed isir studju dettaljat dwar il-vetturi tas-Servizz Pubbliku u kif dawn għandhom jinqalbu minn fuel li jħammeġ ghal vetturi li jibdew jaħdmu bl-elettriku.

Is-Segretarju Ewlieni Permanenti Mario Cutajar qal li dan l-istudju se jkun komprensiv u fuq numru ta’ binarji biex fost l-oħrajn titjieb is-sistema interna ta’ kif isiru l-vjaġġi bil-għan li jkunu aktar effiċjenti.

Huwa qal li mistennija tintuża l-intelliġenza artifiċjali fit-tħaddim ta’ din is -sistema waqt li spjega kif l-infrastruttura meħtiega se tkun qed issostni din il-bidla.

“Ilna li bdejna dawn l-aħħar sentejn inħarsu lejn il-flotta tagħna, nafu li rridu naqilbu l-flotta imma dan il-ftehim huwa appuntu l-bażi għax se jagħtina stampa, ritratt tas-sitwazzjoni preżenti ħalli mhux kważi kważi ngħid li taqleb il-vettura għall-elettriku mhux l-inqas ħaġa iżda hija l-iktar prinċipali, imbagħad hemm ħafna affarijiet oħra li jridu jsiru magħha, pereżempju it-taħriġ tan-nies, it-tagħrif tat-tiswija tagħhom, it-taħrig fejn jidħol CP (Civil Protection) imma l-aktar ħaġa importanti huwa t-tħaddim aktar effiċjenti tal-flotta tagħna”.

Sebgħa fil-mija tal-flotta tas-Servizz Pubbliku huma tal-elettriku jew hybrid waqt li 2% biss mill-vetturi fit-toroq tagħna qalbu għall-karozzi li jniġġsu inqas.

Is-Sur Cutajar żied jgħid li s-Servizz Pubbliku jinsab fuq quddiem f’diversi oqsma bħar-remote working u il-one-stop shops li qal huma inizjattivi li jgħinu f’anqas traffiku u f’aktar arja nadifa.

Huwa spjega kif issa wasal iz-żmien ukoll li jinqata’ l-użu tal-karti li ilhom jintużaw għal dawn l-aħħar 200 sena u ċ-Ċivil jaqleb għas-sistemi diġitali sabiex permezz tat-teknoloġija is-servizzi online isir ferm aktar faċli.