Qasam soċjali
Ftehim biex il-Gvern jgħin vittmi ta’ vjolenza domestika f’Dar Tereża Spinelli

Iffirmat ftehim ieħor ta’ €560,000 għal tliet snin bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, li se tipprovdi kenn f’xelter għall- vittmi tal-vjolenza domestika.

Patri Carmelo Aquilina qal li Dar Tereża Spinelli, fil-Belt, li titmexxa mill-Ordni tal-Patrijiet Kapuċċini, bħalissa qed tilqa’ 15-il persuna li jirrikorru għall-kenn wara li jispiċċaw mingħajr dar. Patri Aquilina qal li ma’ Dar Tereża Spinelli, il-Fondazzjoni Suret il-bniedem tmexxi tlett idjar oħra, fosthom Dar San Leonardo fil-Gżira għal irġiel li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Kompla li l-pjan hu li fix-xhur li ġejjin jiftħu dar oħra f’Għawdex.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li bħalissa l-Gvern qed joħroġ madwar €17-il miljun biex jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi jwettqu xogħol fil-qasam soċjali. Qal li bħalissa hemm 48 ftehim iffirmat, u żied li l-operat tal-għaqdiet li joffru servizzi soċjali hu kważi kollu finanzjat mill-Gvern.