Lokali
Ftehim biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika

Iffirmat ftehim bejn il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta li se jara ħidma iktar iffukata dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.

Il-Ministru Owen Bonnici qal kif din l-għajnuna li se tingħata se tkun ibbażata fuq il-fatti u r-riċerka, filwaqt li l-Kummissarju tal-Assoċjazzjoni, Audrey Friggieri, tkellmet dwar l-importanza li ssir riċerka lokali, sabiex f’materja daqstant sensittiva pajjiżna ma jiddependix fuq sitwazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra.

Il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza kontra l-ġeneru hi kontinwa. Minkejja li saru bosta avvanzi, xorta waħda għadha tinħass id-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa, l-irġiel u persuni LGBTIQ.

Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għadha kif iffirmat ftehim mal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta biex akkademiċi, riċerkaturi u attivisti jwettqu riċerka li tixpruna policies li jtejbu s-soċjetà u jindirizzaw il-problemi ta’ vjolenza b’għarfien u edukazzjoni biex ibiddlu l-kultura diskriminatorja li teżisti.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, spjega kif il-persuni li jirrikorru għall-Kummissjoni se jingħataw għajnuna bbażata fuq il-fatti u r-riċerka.

“Għamilna ftehim ma’ fakultà fi ħdan l-Università ta’ Malta biex inkunu ċerti li dak kollu li jsir hawn ikun ibbażat fuq riċerka b’saħħitha u fuq sostenn akkademiku li jkun tajjeb ħafna. B’dan il-mod, aħna nemmnu li qed nagħtu appoġġ tajjeb ħafna biex inkomplu niġġieldu din il-pjaga kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza kontra l-ġeneru.”

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, kompliet tispjega kemm hu importanti li ssir riċerka lokali biex bħala pajjiż li għandu l-kultura u l-identità tiegħu ma jiddependix fuq riċerka li ssir f’pajjiżi barranin differenti minna. Ir-riċerka għandha ssir b’mod regolari, biex tkun relevanti, u n-nies ikunu jistgħu jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet u s-servizzi adekwati.

“Tajjeb li nkunu nafu x’qed jiġri fis-soċjetà tagħna, fis-soċjetà tal-lum, għax ħafna drabi, jekk inti ma tagħmilx riċerka regolari tkun qed tistrieħ fuq data antika, informazzjoni antika, u s-soċjetà tagħna nbidlet ħafna u nbidlet malajr. Mhijiex l-istess soċjetà li kellna 20, 30, 40 sena ilu. Allura aħna kommessi li jkollna, kif jgħidu, idejna fuq il-polz u nkunu nafu x’qed jiġri hemm barra.”

F’dan l-isfond, infetħu uffiċini ġodda f’Ħal Qormi li minnhom se tibda topera l-Kummissjoni biex tkun tista’ tagħti appoġġ xieraq lill-persuni li jirrikorru għandha.