Kultura
Ftehim għal 3 snin għal kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u Heritage Malta

Ifformalizzata bl-iffirmar ta’ ftehim fil-prinċipju kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u Heritage Malta. Il-ftehim hu għal tliet snin.

Ftehim fil-prinċipju bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u Heritage Malta se jwitti t-triq għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet biex jitkattar l-apprezzament lejn dan il-monument ta’ patrimonju dinji. Il-ftehim jaħseb għal kollaborazzjoni fi sforzi ta’ marketing, l-użu tat-teknoloġija virtwali, inizjattivi ta’ konservazzjoni u xogħol ta’ riċerka.

Il-President tal-Fondazzjoni, Wilfred Buttigieg, qal li l-ftehim hu validu ghal tliet snin: “L-effiċjenza u l-benefiċċji huma għat-tnejn għax ir-riċerka hija kontinwa u x-xjenza tibqa’ tevolvi u as we work, dejjem niskopru affarijiet ġodda hemm ukoll il-proġett tal-mużew il-ġdid.”

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal li l-ftehim ikopri diversi aspetti fosthom li l-Konkatidral jibda jifforma parti mill-iskema tal-passaport ta’ Heritage Malta, li jippermetti dħul b’xejn f’ħafna postijiet storiċi f’Malta u Għawdex.

“Jista’ jkun għatba tajba, bażi tajba biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni bejn knisja u stat biex niffanfraw iżda fl-istess ħin napprezzaw il-patrimonju f’kull forma tiegħu,” qal id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar.

Il-Ministru għall-Kultura, Josè Herrera, qal li l-Konkatidral ta’ San Ġwann qal li l-ftehim se jkompli jsaħħaħ it-tmexxija tal-konkatidral anki fl-isfond tal-pjani li qed isiru biex ikun ffinalizzat il-mużew il-ġdid li qal se jkompli jkattar il-preġju tal-post.

“Dan il-katidral huwa fost l-isbaħ fid-dinja u attrazzjoni primarja għat-turisti, mill-banda l-oħra Heritage Malta għandha esperjenza fit-tul issa kif timmarketja is-siti storiċi tagħġha u kif tippreservhom,” qal il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, qal li l-Knisja f’Malta tinsab fiduċjuża li din il-kollaborazzjoni se tissarraf f’vantaġġi konkreti.