Lokali
Ftehim għal aktar għajnuna lill-vittmi nisa biex joħorġu mill-problema ta’ vjolenza domestika

Il-gvern ikkonkluda ftehim biex ikompli jgħin lill-Fondazzjoni Jean Antide tipprovdi servizzi lil nisa biex joħorġu mill-problema tal-vjolenza domestika u tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Tmien snin ilu l-fondazzjoni waqqfet is-servizz SOAR maħsub apposta għall-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika. Bil-ftehim tal-lum, il-gvern se jipprovdi l-fondi meħtieġa biex dan is-servizz jibqa’ jingħata fit-tliet snin li ġejjin.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, qalet li mara minn kull erbgħa f’Malta tiġi affettwata mill-vjolenza domestika. Madankollu, hi qalet li hemm aktar nisa vittmi li ma jinqabdux mill-istatistika minħabba l-istigma li għadha assoċjata mal-vjolenza fil-familja.

Lejlet il-jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, il-Gvern iffirma ftehim mal-Fondazzjoni Jeanne Antide, li toffri l-programm SOAR għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Ġie spjegat li fuq perjodu ta’ tliet snin il-Gvern se jkun qed jagħti mal-130,000 ewro fost oħrajn għal servizzi li jgħinu lill-vittmi jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jwassal għal iktar appoġġ għal vittmi nisa, kemm fuq livell individwali kif ukoll appoġġ mogħti lil gruppi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jeanne Antide, Nora Macelli, spjegat li ġew imħarrġa nisa li ġarrbu l-vjolenza domestika u li se jiġu impjegati mal-fondazzjoni biex jgħinu lil nisa li għadhom għaddejjin minn din il-problema.

Esprimiet il-fehma li l-pandemija tal-coronavirus kienet ta’ daqqa akbar għal nisa vittmi ta’ vjolenza domestika. Fi kliemha, hemm persuni li minħabba f’hekk iżżerżqu fil-faqar.

”Għal ċertu nisa li ngħinu, li għandhom numru ta’ tfal, konna qed nipprovdulhom kultant ikel misjur lest biex ikollhom ġurnata moħħhom mistrieħ ma jridux jaħsbu fl-ikel ukoll.] Xi nsibu? [fost nisa li minkejja s-separazzjoni għadhom iġarrbu, għadhom isusu l-passi tagħhom jedduhom etc. Kellna sitwazzjonijiet fejn l-ex raġel jaf li l-mara qed tibbenefika minn dan l-ikel u jmur hemm ħdejn il-bieb ħalli meta jiġi d-driver bl-ikel ma jħallihx u tfal jgħajtu mill-gallerija rridu l-ikel. Kellna sitwazzjonijiet li ma jitwemmnux.”

Mara li qed tingħata l-għajnuna qalet li waħedha ma kienx jirnexxilha tqum fuq saqajha wara li spiċċat għal riħha ma wlieda fost il-problemi kollha li trid taffaċċja.

”Mhux dħalt fetħuli l-bieb, mesħuli d-dmugħ u qaluli mil-lum ‘il quddiem inti trid titla’ skala skala u għalkemm ma tantx ilni hawn diġà qed nieħu r-ruħ u dik it-tbissima li kelli.”

Bħalissa l-Fondazzjoni St Jeanne Antide qed isegwi mal-120 każ ta’ vjolenza domestika.