Lokali
Ftehim għal sussidji għall-persuni b’diżabilità li jżuru ċ-Ċentru Esplora

Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jkun strumentali biex persuni b’diżabbiltà jibbenefikaw minn esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment li joffri ċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara.

B’dan il-ftehim se jkunu jistgħu jibbenefikaw ftit inqas minn 21,000 persuna li għandhom il-Karta tad-Diżabilità tal-Unjoni Ewropea, bil-kunċett jinkoraġixxi u jħaddan l-inklużjoni u l-aċċessibilta’ fost dawk li għandhom diżabbiltajiet intelletwali u fiżiċi.

Fost l-inċentivi li jkopri dan il-ftehim hemm l-organizazzjoni ta’ żjarat f’Esplora minn gruppi ta’ persuni b’diżabbiltà li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jew jgħixu f’Residenzi ta’ Persuni b’Diżabbiltà tal-Aġenzija Sapport, kif ukoll persuni oħrajn li jkollhom xi diżabbiltà.

L-iffirmar tal-ftehim sar miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-iStrateġija wara COVID-19 Owen Bonnici qal li l-qasam tax-xjenzi huwa importanti ghall-avvanz ta’ pajjizna u ċ-ċentru Esplora għandu jkun id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, inkluż il-persuni li għandhom diżabbilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet l-ftehim li se jkun qiegħed jinċentiva mhux biss lill-eluf ta’ persuni b’diżabbiltà imma wkoll lill-entitajiet governattivi u għaqdiet volontarji li qegħdin jagħmlu xogħol kbir u siewi ma’ dawn il-persuni.