Turiżmu
Ftehim storiku għal Malta mat-tim ta’ Manchester United

Ftehim storiku bejn l-Awtorità għat-Turiżmu u t-tim ta’ Manchester United se jwassal biex isem Malta jkun espost għal swieq ġodda fosthom fl-Amerka u l-Asja.

Fi żjara f’Old Trafford, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, qal li din is-sħubija mat-tim Ingliż, li għandu iktar minn biljun partitarju fid-dinja, hi parti mill-istrateġija tal-Gvern biex Malta tkun id-destinazzjoni tal-Mediterran.

Min-nhar is-Sibt, isem Malta se jibda jidher f’kull rokna fl-istadium maestuż ta’ Old Trafford, li huwa fost l-ikbar stadiums fil-Ingilterra għax jesa’ madwar 76,000 spettatur.

Dan huwa possibbli permezz ta’ sħubija għat-tliet snin li ġejjin bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u t-tim ta’ Manchester United, li huwa fost l-iktar timijiet segwiti b’iktar minn biljun partitarju madwar id-dinja.

Fi żjara fil-Kumpless tat-Taħriġ ta’ Manchester United, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, qal li permezz ta’ din l-isħubija, Malta se żżid il-viżibilità tagħha bil-kbir. Dan għax fost oħrajn isem pajjiżna se jdur mal-erbat irjieħ tad-dinja fuq il-midja soċjali tal-klabb Ingliż. Il-Ministru Mizzi qal li dan il-ftehim jidħol kexxun mal-viżjoni tal-Gvern biex jagħmel minn Malta l-aqwa destinazzjoni fil-Mediterran.

”Flimkien magħhom se nużaw Facebook u s-social media u mmorru flimkien mal-players tagħhom nippromovu lil Malta fi swieq ġodda fosthom l-Amerka, il-Ġappun, is-South Korea, forsi ċ-Ċina wkoll. Jekk Alla jrid forsi nġibu players Malta f’world class events li jsiru f’Malta biex nippromovu l-pajjiż bħala l-aqwa destinazzjoni fil-Mediterran għax dik hi l-aspirazzjoni tagħna.”

Fi kliem iċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, din is-sħubija hi storika għal Malta.

”Naturalment din se sservi ta’ vetrina għal Malta għaliex Manchester United huma magħrufa mad-dinja kollha, allura l-isem ta’ Malta se jkun qed idur mad-dinja. It-turiżmu huwa riklamar, marketing, u naturalment dan huwa metodu importanti u l-iktar importanti li qatt kellna fl-istorja tal-MTA.”

L-ewwel fost it-turisti li biħsiebu jżur Malta għall-ewwel darba huwa l-istilla tal-klabb Ingliż . . . l-internazzjonali Spanjol, Juan Mata.

”I’ve never been in Malta but I love to travel, I love to discover new countries and new cultures and yes of course, I would like to go at some point to relax and enjoy, probably in summer. Nice food, nice weather and yes, I’m looking forward to it.”

Il-leġġenda tal-klabb Ingliż, Bryan Robson, sar jaf b’Malta b’ċikka minħabba li l-ġenituri ta’ martu kellhom residenza l-Imsida.

”First I went to Malta I was sort of 19 years old so over the last 10 years, I’ve actually went back there. I’ve had some great holidays over in Malta. The beaches are great. Over the years, the hotels have really improved. There’s great bars and restaurants. The weather is always really good, so it’s great island to visit.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, uffiċjali ta’ Manchester United irrimarkaw li r-rabta speċjali bejn it-tim u Malta tmur lura għall-1959 bit-twaqqif tal-Manchester United Supporters’ Club . . . l-eqdem supporters’ club tat-tim Ingliż ‘il barra mill-Ingilterra.

Aħbarijiet Oħra

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Mart il-President ta’ Malta, is-sinjura Miriam Vella qalet li tifhem eżatt il-bżonn ta’ iktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider għax tilfet lill-ommha b’dan il-kanċer. Is-sinjura Vella din is-sena hija l-Patruna tal-kampanja…

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalet li llum għamlet il-verifiki kollha u ġie konkluż li n-numru ta’ tesserati eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa 21,499….

Uffiċjali mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA qegħdin jiċċertifikaw li kull skola f’Malta u Għawdex hija konformi mar-regolamenti li tfasslu mill-awtoritajiet tas-saħħa. F’kummenti ma’ Television Malta, is-Segretarju Permanenti…

Aktar