Lokali
Ftehim ta’ €2.12 miljun mal-Fondazzjoni Arka għal servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità

Il-Fondazzjoni Arka se tingħata aktar minn żewġ miljun ewro mill-Gvern biex tkompli tipprovdi servizzi residenzjali lil persuni b’diżabbilità.  L-għotja ġiet siġillata bi ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja, l-Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Arka.

Is-servizzi se jkunu provudti minn tliet residenzi li għandha l-Fondazzjoni: Dar Arka, Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli iddeskriviet il-ftehim bħala turija oħra li l-Gvern jinsab determinat li jaħdem b’risq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

Il-ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li dan hu eżempju ieħor konkret li Għawdex qed jingħata prijorita’ f’kull qasam, fosthom fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.

Id-Direttur ta’ Fondazzjoni Arka, Dun Michael Galea, qal li dan il-ftehim hu eżempju ta’ kollaborazzjoni bejn il-Knisja f’Għawdex u l-Gvern.