Qasam soċjali
Ftehim ta’ €3.7 miljun biex il-Fondazzjoni Wens tkompli tilqa’ persuni b’diżabilità

Dalgħodu ġie ffirmat ftehim ta’ €3.7 miljun, fejn għat-tliet snin li ġejjin, l-Aġenzija Sapport se tkun qed tgħin biex il-Fondazzjoni Wens tkompli toffri s-servizzi għar-residenti b’diżabilità li joqgħodu fit-tlett idjar li għandha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li dan il-ftehim ikompli jassigura iktar servizzi multi dixxiplinarji li toffri l-aġenzija biex ir-residenti b’diżabilità li jgħixu b’mod indipendenti fi djar fil-komunità jgħixu ħajja ta’ kwalita’.

Hija qalet li l-Aġenzija Sapport tgħin lil 114-il persuna b’diżabilita’ li jingħataw servizzi residenzjali minn diversi għaqdiet mhux governattivi.

Id-Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni Wens Ronald Galea qal li mingħajr dan l-appoġġ mill-Gvern, il-fondazzjoni ma tkunx tista’ tipprovdi servizzi ta’ kwalità lir-residenti li jgħixu fid-djar tal-komunita’.

Il-Fondazzjoni Wens għandha tlitt idjar fil-komunità, tnejn fil-Kalkara u waħda fil-Fgura.

Id-Direttur ġenerali tal-Fondazzjoni Wens qal li “residenti li meta mietu l-ġenituri jew spiċċaw għand l-aħwa li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu u ħabbtu l-bibien tagħna u aħna tajnihom post fid-djar tagħna”.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalita’ tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern qed ikompli jsostni l-kunċett li persuni b’diżabilita’ jgħixu f’ambjent ta’ familja.

“Ikunu jistgħu jgħixu f’kunċett qrib ta’ familja, djar ċkejknin u uħud minnhom imorru għax-xogħol u jkomplu f’ambjent ta’ familja”.

Il-Fondazzjoni Wens ilha toffri servizzi għal persuni b’diżabilta’ għal 31 sena, u tilqa’ 42 resident fi tlett idjar bl-etajiet tal-persuni b’diżabilita’ għandhom bejn 23 sena u 70 sena.

Hija qed timmira li tibni dar oħra biex taqdi l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.