FILMAT: Ftira biż-żejt għal Merkel f'”Bus Stop” fil-Gżira

Lil hinn mil-formalitajiet li jispikkaw fl-okkażjonijiet bħal dawn, il-kanċillier Ġermaniża Angela Merkel – waħda mill-iktar jekk mhux l-aktar persuna influwenti fl-Unjoni Ewropea ħarġet mill-protokall u ħadet togħma verament Maltija għall-kolazzjon ta’ filgħodu f’gabbana fix-xatt tal-Gżira qabel marret għal laqgħa mal-Prim Ministru f’Kastilja.

Kienet sorpriża għal żewġ impjegati tal-gabbana Bus Stop Lounge fix-xatt tal-Gżira li filgħodu spiċċaw iservu lil Angela Merkel li akkumpanjata mill-uffiċjali tas-sigurtà daħlet għandhom biex tieħu l-kolazzjon li normalment iservu n-nies tal-lokal.

Daniel Pizzuto li serviha rrakkontalna kif għall-ewwel meta waqfu l-pulizija tat-traffiku ħdejn il-gabbana ħaseb li kien ġara xi ħaġa u mbagħad inħasad x’ħin ra numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà deħlin fil-gabbana u warajhom il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel.

“Daħlet hawnhekk, ġiet ħadet xi snack filgħodu, ħadet il-ftira Maltija, ħadet fresh orange juice, u t-tim tagħha l-kumplament ħadu xi espresso u xi kafejiet oħrajn, u bdejna nservuhom, ovvjament eċċitament kbir, bdejna nibżgħu naqra għax ħafna security”, qal Daniel Pizzuto.

Kompla jirrakkonta li wara li servewha, Merkel marret ħdejhom u kellmithom bl-Ingliż.

“Il-ftira għoġbitha ħafna. Qalet li għandna ħobż tajjeb, ħadu xi croissants u għoġbuhom ħafna wkoll, għoġobha bħala post għax għandna veduta sabiħa ħafna hawnhekk. Servejnieha, ħaditilna b’idejna, tlabnieha nieħdu ritratt magħha u aċċettat mingħajr problemi ta’ xejn”, qal Daniel Pizzuto.

Il-manager tal-post, Renato Vidal qalilna li l-lejl ta’ qabel xi membri tas-sigurtà marru jaraw il-gabbana u jistaqsu x’ħin tiftaħ.

Mill-gabbana, Merkel bl-iskorta tagħha baqgħet sejra fil-Berġa ta’ Kastilja għal-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Iż-żewġ mexxejja l-aħħar li ltaqgħu f’laqgħa bilaterali bejniethom kien f’Novembru li għadda waqt żjara ta’ Dr Muscat f’Berlin.

Huwa mifhum li barra temi Ewropej, Dr Muscat u l-Kanċillier Merkel iddiksutew temi bilaterali tant li wara l-laqgħa, Dr Muscat fi tweet qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġermanja ser ikomplu jissaħħu. Għas-summit tal-lum, il-Ġermanja għenet lil Malta fis-sigurtà billi pprovdiet appoġġ lill-Forzi Armati permezz ta’ sistema ta’ radar għas-sorveljanza tal-ajru.

Il-Gvern Malti radd ħajr lill-Gvern Ġermaniż għal din il-kollaborazzjoni.