Protezzjoni Ċivili
“Ftit biżà jkollok imma x’sodisfazzjon tgħin lil ħaddieħor” – pumpiera żagħżugħa fil-jum iddedikat lill-ħaddiema ta’ salvataġġ

Kull xogħol fih tiegħu. Ilkoll xi darba jew oħra ħabbatna wiċċna ma’ għadd ta’ intoppi u sfidi ta’ kull xorta. Madanakollu, biex titlaq kollox minn idejk anki fil-ħemda tal-lejl, tgħaddas rasek qalb in-nirien u tipperikola ħajtek bil-għan li ssalva ‘l ħaddieħor trid kuraġġ liema bħalu u qlubija ta’ barra minn hawn.

Bħal-lum tiġi ċċelebrata l-ħidma bla heda tal-pumpiera mal-erbat irjieħ hekk kif l-4 ta’ Mejju jaħbat il-jum internazzjonali ddedikat lill-ħaddiema ta’ salvataġġ.

F’dan l-isfond, tvm.com.mt tkellem ma’ Dorothy Sammut, tfajla ta’ 24 sena li hija fost l-ewwel tliet nisa li għall-ħabta ta’ Ottubru li għadda daħlu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Dorothy qaltilna li dan il-qasam ilu għal qalbha minn mindu kienet għadha ħalib ommha fi snienha. Id-daqq tas-sirena minn dejjem kien ipaxxiha. Iż-żagħżugħa spjegat li malli kienet tilmaħ il-pumpiera għaddejjin gass mal-pjanċa bil-għan li jsalvaw lil min jinsab fil-periklu bejna u bejn ruħha kienet tgħid li se taħdem qatigħ biex xi darba ssir bħalhom u tkun tista’ tagħti daqqa t’id lil ħaddieħor hi wkoll.

Il-pumpiera żagħżugħa qaltilna li għalkemm spiss dan ix-xogħol jaf ikun għadma iebsa, daħlet għalih b’ruħha u b’ġisimha hekk kif l-hena tagħha tgħin lil min hu fil-bżonn. Tant, li għamlet żmien taħdem bħala carer.

Dorothy qalet li spiss il-pumpiera ma jkunux jafu x’sa jsibu ma’ wiċċhom u għaldaqstant f’mumenti ta’ salvataġġ xi ftit tal-biżà ma tonqosx. Kulħadd uman. Minkejja dan, iż-żagħżugħa qalet li xogħolha għal qalbha wisq u li tinsab fis-seba’ sema issa li l-ħolma tagħha saret realtà.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Sitt persuni fir-reġjun tal-Lombardija, fl-Italja, weħlu multa ta’ €3,300 kull wieħed wara li nqabdu mill-Pulizija jiksru iktar minn liġi waħda. Il-persuni, li kienu kollha rġiel ta’ bejn 43 u 68…

Xjenza

Min jirnexxielu jqum fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu jista’ jitpaxxa b’xena mhux tas-soltu fis-smewwiet. Il-kometa C/2020 F3 Neowise bħalissa qed tidher ċara jekk wieħed iħares lejn ix-xefaq fil-lvant ta’ Malta. L-astrofiżiku…

Eurovision

Fl-isfond tal-hekk imsejħa normalità ġdida li lkoll qed ngħixu fiha l-European Broadcasting Union, l-EBU, f’dawn l-aħħar jiem aġġornat ir-regolamenti tal-Eurovision Song Contest għall-edizzjoni li jmiss bil-għan li l-festival jibqa’ miexi…

Aktar