Infrastruttura
Ftit jiem oħra u ċ-ċumnija tal-impjant ta’ Delimara togħsfor għalkollox

Ftit tal-ġranet oħra mhu se jkun fadal ebda traċċa taċ-ċumnija tal-impjant ta’ Delimara, li kienet l-itwal struttura f’Malta b’għoli ta’ aktar minn ħamsin sular. Ix-xogħol beda sena ilu biż-żarmar ta’ pajpijiet kbar fiċ-ċumnija, sakemm erba’ xhur ilu beda t-twaqqigħ taċ-ċumnija nnifisha f’operazzjoni delikata li riesqa lejn it-tmiem.

Erba’ xhur mindu bdiet titwaqqa’ dik li kienet l-itwal struttura f’Malta, b’għoli ta’ aktar minn ħamsin sular . . . mix-xatt ta’ Marsaxlokk u l-inħawi m’għaddx hemm traċċi taċ-ċumnija tal-ewwel impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Delimara. U ftit tal-jiem oħra, lanqas traċċi tal-parti ta’ isfel tagħha mhu se jkun hemm!

It-twaqqigħ taċ-ċumnija kien jinvolvi kważi sena xogħol f’ħidma delikata li bdiet biż-żarmar taż-żewġ pajpijiet tal-ħadid, li minnhom kien jgħaddi d-duħħan mill-ħruq taż-żejt fil-boilers.

Imbagħad madwar iċ-ċumnija ntramaw ħames pilastri tal-ħadid, li magħhom intrabtet pjattaforma kbira. Fuqha kien hemm żewġ excavators li jitħaddmu b’mod awtomatiku biex kissru l-konkos. Max-xogħol, il-pjattaforma tniżżlet ‘l isfel b’muturi appost kull metru u nofs.

It-twaqqigħ issa jinsab fl-aħħar fażi, biċ-ċumnija qed titkisser permezz ta’ inġenji mill-art. Il-ħitan fil-qiegħ taċ-ċumnija għandhom ħxuna ta’ 80 ċentimetru.

L-impjant Delimara 1 beda jopera fl-1992, biċ-ċumnija b’għoli ta’ 150 metru u diametru ta’ 12-il metru kienet l-iktar struttura distintiva tiegħu u tidher minn bosta nħawi f’Malta. Xlukkajr anzjan qal li għal sajjieda tal-età tiegħu, fl-aħħar kwart ta’ seklu ċ-ċumnija kienet punt ta’ referenza fuq il-baħar. Stqarr li “hawnhekk tkun dieħel minn fuq il-baħar iċ-ċumnija kienet tkun sewwa għax dik kienu jgħidulha sinjal. Qabel kien ikollna boxxla hekk u meta kien hemm hi jkollhom x’juri. Issa kulħadd għandu r-radjijiet tagħhom imma hi kienet tkun sewwa għax tkun ġej minn barra tarah fil-bogħod.”

Oħrajn qalu li l-villaġġ tas-sajjieda hu ferm aħjar mingħajrha. Nies li tkellmu ma’ TVM qalu li “aħjar m’għaddhiex hawn għaliha għax m’għaddx hawn dan il-ħmieġ”. Oħrajn qalu li “dak it-trab iswed m’għadekx tisma bih tajjeb jiġifieri għal saħħitna żgur hija tajba. Barra likienet qed tkerraħ l-ambjent. Illum vera hawn tliet ċmieni żgħar imma żgur mhux koroh bħalma kienet dik.”

Apparti ċ-ċumnija, iż-żarmar tal-ewwel impjant f’Delimara, li ntefa’ f’April tas-sena li għaddiet, kien jinvolvi t-tneħħija ta’ żewġ boilers flimkien mat-turbini u tagħmir ieħor tal-aħħar impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li kien juża l-heavy fuel oil.