Storja
Ftit kura u mħabba għall-istatwa ta’ Nettuno

Nettuno. Għal iżjed minn mitejn sena għasses il-baħar tal-Port il-Kbir, u għal kważi mitejn oħra għarrex b’ħarsa setgħana kull rokna tal-bitħa tal-Palazz tal-Gran Mastru, fejn bosta laqqmuh bħala “l-ġgant”.

Min jaf x’raw dawk l-għajnejn waqt li xtarrew it-taqlib u t-tibdil li ħażżiżna fil-kotba tal-istorja tagħna?

Iżd’ anki l-ġganti jiġu bżonn ftit kura u mħabba kultant. Bħala parti mill-proġett estensiv ta’ restawr li Heritage Malta qed twettaq fil-Palazz tal-Gran Mastru, l-istatwa ta’ Nettuno bħalissa għaddejja minn proċess ta’ konservazzjoni li mhux biss qed jieħu ħsieb id-dehra barranija iżda wkoll qed jipprova jistudja l-istruttura ġewwinija tagħha. Kien għalhekk li l-istatwa dan l-aħħar inġarret sa Bighi fejn sarulha xi testijiet u mbagħad ittieħdet lura l-palazz.

Ħarġet xi informazzjoni ġdida minn dawn it-testijiet? … Naraw jekk iktar ’il quddiem Nettuno jkollux xi storja ġdida x’jirrakkontalna.