Qorti
‘Meta wasalt fuq il-post għidt bejni u bejn ruħi miraklu jrid ikun biex marti toħroġ minn hemm’

Miriam Pace u ġirien tagħha kienu insistew biex il-kuntrattur juża trencher biex iqatta l-blat flok il-musmar iżda kienu mitluba li biex jintuża t-trancher kellhom jaċċettaw li jitqatta’ l-blat anke fiż-żewġ piedi u nofs mal-proprjetà tagħhom fil-Ħamrun. Dan ħareġ mix-xhieda fit-tieni seduta tal-kumpilazzjoni tal-Periti Anthony Mangion, Roderick Camilleri, il-kuntrattur Ludvic Dimech u l-ħaddiem Nicholas Spiteri li jinsabu mixlija li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw il-qtil ta’ Miriam Pace. Il-Maġistrat Joe Mifsud li qed jisma din il-kumpilazzjoni qal li diġà hemm biżżejjed provi biex l-erba’ akkużati jitpoġġew taħt l-att tal-akkuża.

Awla 22 issumat hekk kif ir-raġel ta’ Miriam Pace li mietet fit-tiġrif tad-dar tagħha stess, tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u rrakonta l-ġurnata tat-traġedja quddiem fost oħrajn l-erba’ rġiel li jinsab mixlija bil-qtil involontarju ta’ martu. Viżibilment imnikket is-Sur Pace qal li l-koppja kellhom tradizzjoni li kuljum jċemplu lil xulxin għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.

Qal li dakinhar tal-inċident mumenti wara li qatgħa minn mal-mara, kollega tiegħu qalu li waqgħet dar f’Canon Road. Xehed li qalbet għamlu tik u meta mar fuq il-post stqarr bejnu u bejn ruhu li kellu jkun miraklu biex martu toħroġ ħajja minn ġo tifrik.

Is-Sur Pace qal li l-iżvilupp ta’ ħdejhom kien qed jikkaġuna anzjetà kbira lil martu. Xehed li x-xahar qabel, seħħ inċident fis-sit tal-kostruzzjoni meta ċeda ħajt diviżorju li jmiss mal-garaxx ta’ warajhom. Wara dan l-inċident, il-ġirien ftehmu li jiltaqgħu mal-iżviluppatur Malcolm Mallia, il-Perit Roderick Camilleri u l-kuntrattur Ludvic Dimech.

F’din il-laqgħa, il-ġirien insistew li għandha li l-kuntrattur għandu jżomm żewġ piedi u nofs distanza skont il-liġi mil-propjetà tagħhom. Huwa insistew ukoll li l-kuntrattur juża t-trencher flok il-musmar. Qal li l-perit baqa’ jipprova jbidilhom fhemthom u fl-aħħar tal-laqgħa l-Perit indika li se jsir studju dwar il-blat qabel jibda t-tħaffir.

Xehdet Rosette Zerafa li qalet li ġarbet ħsarat konsiderevoli fil-proprjeta tagħha. Hija rrakontat kif hi u Miriam Pace kienu mwerwrin u li l-iżviluppatur qal li kien lest juża t-trencher jekk iċedu ż-żewġ piedi u nofs minn mal-proprjetà tagħhom. Skont ix-xhud il-Perit Camilleri qal li t-trencher jiswa l-flus u li jekk ma jaqblux fuq id-distanza tal-appoġġ, se jużaw il-musmar li jagħmel aktar ħsejjes u vibrazzjonijiet.

Kruċjali fix-xhieda tas-sinjura Zerafa kienu r-ritratti li hi stess ġibdet mumenti wara l-inċident li allegatament juru l-inġenji qed jiġu mċaqqalqa mill-ħaddiema. Dwar dan, il-Periti Camilleri u Mangion u l-kuntrattur Dimech waħedhom jinsabu mixlija li ffalsifikaw ix-xena tar-reat.

Xehed ukoll John Sammut wieħed mill-ġirien li qal li huwa flimkien mal-vittma kienu niżlu jkellmu l-ħaddiema wara li ġġaraf ħajt u għamlulhom ċara biex jieħdu ħsieb il-proprjetà tagħhom biex ma jispiċċawx bħal tal-Pietà fejn ukoll iġġarrfu djar oħra.

Aħbarijiet Oħra
Radju

L-Awtorità tax-Xandir fi stqarrija avżat li se jkun hemm qtugħ fit-trasmissjoni tar-radju, is-Sibt 25 ta’ Lujlu, l-ewwel u t-tieni t’Awwissu. Dan, qalet l-Awtorità se jsir minħabba xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni…

Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li huwa qatt aktar mhu se jafda Membri Parlamenti li minn żmien għal żmien urew li m’għandhomx fiduċja fih. Huwa qal li…

Lokali

Instab il-ftehim fil-prinċipju li kien ġie ffirmat mill-Gvern mal-Vitals Global Healthcare. Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonferma li l-memorandum of understanding għadda għand l-Awditur Ġenerali. Dan il-ftehim kien sar qabel ma…

Edukazzjoni

Mal-4,000 student dalgħodu rċevew il-marki tagħhom mill-bord tal-MATSEC għas-suġġetti tal-eżamijiet tas-SEC li b’eċċezzjoni din is-sena ma sarux minħabba l-Covid 19. Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-bord tal-MATSEC tħabbar li wara proċess rigoruż…

Aktar