Ambjent
“Ftit qabel ma għeb Għar Ħanex kont qed niġbed ir-ritratti” – Ryan Calleja

Għar Ħanex kien għar naturali mal-kosta tal-Qrendi bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi. Din il-formazzjoni ġeoloġika rat l-elementi tan-natura jwasslu biex jumejn ilu l-għar iġġarraf. Minfloku ffurmat tieqa, li iżda waqgħet ukoll wara ftit sigħat.

Kważi sentejn wara li tlifna ġawrha naturali, dik tat-Tieqa fid-Dwejra f’Għawdex, fil-jiem illi għaddew forsi ftit huma li jafu li mal-kosta tal-Qrendi, bejn Għar Lapsi u Filfla hawn ġawrha naturali oħra illi l-maltemp ukoll ħalla l-effett tiegħu fuq Għar Ħanex.

Għall-Qrendin Għar Ħanex kien formazzjoni ġeoloġika distintiva għar-raħal, bosta kienu l-Maltin u turisti avventurużi li kienu jinżlu mal-irdumijiet ta’ taħt it-tempji tal-Imnadja u Ħaġar Qim, u jiskopru l-ġmiel ta’ dawn l-inħawi.

Ryan Calleja, ftit sigħat biss qabel Għar Ħanex għeb għalkollox kien qed jammira u jiġbed ritratti ta’ dan il-ġmiel naturali.

Ryan qal “kont fl-għar mingħajr ma naf li se jiġġarraf. Ħallietni bla kliem. Hija ta’ dieqa kbira li sfortunatament dan l-għar m’għadux jeżisti.”

Għalkemm joqgħod Birżebbuġa, Ryan kien isib is-serħan tal-moħħ u l-mistrieħ tiegħu f’Għar Ħanex.

Ryan qal “l-għar kien sabiħ ħafna u kien jinfed min-naħa għall-oħra u għalhekk tkun tista’ tgħaddi u tgħum. Hawn il-kwiet. Tiġi għall-passiġġata li tista’ tieħdok min-naħa ta’ Għar Lapsi u miż-Żurrieq.”

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, Għar Ħanex iġġaraf. Iżda n-natura wasslet biex iffurmat tieqa fil-blat. Iżda din ma tantx damet titgawda għax f’tebqa’ t’għajn anke din it-tieqa ġġarfet.

Persuni li tkellmu ma’ TVM spjegaw li ħadd ma jista’ jbassar in-natura iżda innutaw li minħabba li l-blat mal-kosta huwa dgħajjef ħafna, kull ma jmur qiegħed ikompli jittiekel. Ryan Calleja qal li anke fl-aħħar jumejn kompla jiġġarraf l-blat f’dawn l-inħawi.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, UPE qalet li l-Kunsill tal-Għalliema, iddeċieda li mis-sena skolastika li ġejja, l-għalliema kollha li se japplikaw għall-warrant ser ikollhom jippreżentaw il-fedina penali tagħhom maħruġa fl-aħħar xahar, flok iċ-ċertifikat…

Lokali

It-tifkira ta’ Lassana Cisse Souleymane, li kienet tpoġġiet fil-post fejn inqatel ġiet ivvandalizzata. Huwa kien inqatel kiesaħ u biered fit-triq li tagħti bejn Ħal Far u Birżebbuġa nhar is-6 t’April. B’rabta…

Lokali

Heritage Malta, flimkien mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja, qed iħabbru l-bidu ta’ proġett internazzjonali u interdixxiplinarju li jinvolvi l-istudju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew…

Aktar