Fuq il-bejt tal-knisja tas-Siġġiewi

Qed joqrob lejn tmiemu x-xogħol ta’ restawr tal-pittura tal-koppla tal-knisja parrokkjali tas-Siggiewi. Jumejn wara l-festa liturġika tal-qaddis patrun tal-lokalità: San Nikola, il-parroċċa fetħet il-bibien tal-bejt tal-knisja għall-pubbliku li seta’ japprezza aktar mill-viċin ix-xogħol li qed isir fuq dan il-patrimonju.  Minn dan l-għoli l-pubbliku seta’ jgawdi wkoll veduti mill-isbaħ u jagħti titwila wkoll lill-qniepen u l-arloġġ ta’ din il-knisja.

Fl-aħħar tas-snin 30, l-artist rinomat Malti Lazzaro Pisani kien tqabbad ipinġi ix-xbieha ta’ tmien beati fil-koppla tal-knisja parokkjali tas-Siġġiewi.

Ħamsa u tmenin sena wara, il-pittura qed tiġi restawrata minħabba li partijiet minnha bdew jinqalgħu minn mal-kanvas.

Ir-restawratriċi Agata Grima spjegat li l-proċess li jikkonsisti wkoll f’tindifa tal-pittura għandu l-għan li jerġa jikxef is-sbuħija awtentika tagħha.

“Il-problema żvolġiet ruħha mhux minħabba nuqqas ta manteniment jew għax daħal l-ilma għax hawnhekk għandna double dome, żewġ qoxriet….il-problema kienet kif il-pittura kienet twaħħlet oriġinarjament,” spjegat Agata Grima.

Mill-koppla tajna titwila fil-kampnar.

Pawlina, Petrina, Gużeppina, Marija u Nikolina huma l-ismijiet ta’ dawn il-qniepen li tpoġġew fil-kampnar fl-1948 b’din tal-aħħar iddedikata għall-qaddris padrun tas-Siġġiewi San Nikola.

Aktarx li ftit jafu dwar ir-rutina elaborata ta’ dawn il-qniepen, kif jispega Nathan Borg.

“Kull kwarta idoqq waħda, u nofs idoqq tnejn, tliet kwarti idoqq tlieta u mbagħad jerġa jibda l-proċess – wara hemm tas-siegħat u tas-siegħat, fis-siegħa u fis-seba idoqq waħda, fis-sagħtejn u fit-tmienja idoqq tnejn, fit-tlieta u fid-disgħa idoqq tlieta, fl-erbgħa u fl-għaxra idoqq erbgħa, fil-ħdax u fil-ħamsa idoqq ħamsa u f’nofs in nhar u fis-sitta idoqq sitta,” spjega Nathan Borg.

L-arloġġ tal-knisja tas-Siġġiewi għandu ‘l fuq minn 120 sena. Iċ-ċkejken Noah Sammut jagħtih il-ħabel.

“L-arloġġ jaħdem billi iddur il-paletta u din tinżel hawn il-martell fuq il-qanpiena jinżel il-ħabel u dawn jgħidulhom snien u din il-ħadida taqbeż kull darba li taqbeż ħadida idoqq l-arloġġ,” spjegalna Noah Sammut.

L-aħħar appuntament tagħna kien mal-organista tal-knisja Mark Vassallo li spjega li l-orgni tas-Siġġiewi hu uniku għall-Malta. Għandu mad-90 sena, għandu 900 pajp u huwa wieħed mill-akbar orgnijiet f’Malta.

“ll-pedallieri iservu bħala base, minħabba li inti ħafna drabi tkun qed tagħmel biċċa mużika qisek qed tagħmel orkestra, tgħaqqad kollox minn fuq console wieħed,” spjega Mark Vassallo.

Il-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi nbniet fl-aħħar tas-seklu 17 u tiddomina fuq il-kumplament ta’ dan ir-raħal.