Qorti
F’xahar nefaq il-wirt kollu ta’ missieru fuq id-droga u spiċċa b’dejn ta’ €70,000

Raġel ta’ 29 sena weħel disa’ xhur ħabs u multa ta’ €1,500 wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstasy u li nqabad fiha f’post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Il-każ imur lura għall-April, 2013 f’Paceville. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li fl-14 t’April, 2013 kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fi stabbiliment. Qalet li hemm lemħu lill-akkużat ħdejn il-bar jaġixxi b’mod suspettuż. Il-Pulizija avviċinatu u talbietu biex imur magħhom fit-toilet u saret tfittxija fuqu. Fil-but tal-qalziet sabulu borża b’19-il pillola. Wara li ttieħed l-għassa, l-imputat ħa lill-pulizija f’parkeġġ f’San Ġiljan fejn kien hemm karozza pparkkjata li fiha nstabu 79 pillola oħra.

Fi stqarrija mal-Pulizija huwa ċaħad li kien qed ibigħ id-droga fl-istabbiliment u qal li l-pilloli kienu għalih. Qal li kien jieħu d-droga fil-weekend biss u li kien xtrahom f’daqqa bil-prezz ta’ €300 biex iservuh għal xahrejn. Kien qal li kien għadu kemm xtrahom u baqa’ sejjer bihom Paceville.

Il-Qorti semgħet kif l-imputat beda jesperimenta mid-droga meta kellu 16-il sena. Kien beda bil-kannabis u maż-żmien għamel użu ta’ ċertu drogi aktar b’saħħithom li affettwawlu s-saħħa mentali tiegħu. Semgħet kif ta’ 18-il sena beda jmur il-parties u jieħu ammont sostanzjali ta’ drogi differenti. Intqal li f’lejl kien jesperimenta minn diversi tipi ta’ sustanzi u skont hu f’lejl kellu l-kapaċità jibla 25 pillola ecstasy jew ħames grammi kokaina. Instema’ kif għamel żmien fejn kien ikkalma u kien qed jistudja għal chef iżda meta miet missieru f’xahar nefaq il-wirt kollu fuq drogi u spiċċa b’dejn ta’ €70,000. Wara xi żmien daħal f’relazzjoni li damet għaddejja seba’ snin u nofs u kien naqqas mill-użu tad-droga. Fi żmien tar-relazzjoni kien jieħu biss il-kannabis.

Intant, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li l-imputat ma ġabx prova biex jiġġustifika l-ammont li kellu fuqu. Qalet li l-ammont ta’ 98 pillola huwa kbir.  Il-Qorti kkunsidrat li fil-fedina penali tiegħu kellu każ wieħed li jmur lura fl-2006 b’rabta mal-pussess tal-kannabis.

Hija tagħtu sentenza ta’ 9 xhur ħabs u multa ta’ €1,500. Huwa ġie ordnat ukoll biex iħallas għall-ispejjeż tal-espert tal-Qorti s-somma ta’ €171.34.