Ġabra rekord waqt ‘Trick or Treat’ b’differenza fiż-Żejtun

Grupp ta’ żgħażagħ Żwieten ilbieraħ filgħaxija ġabru mad-960 kg ta’ ikel waqt Trick or Treat b’differenza fiż-Żejtun.

trick-or-treat-bdifferenza-fiz-zejtunIż-żgħażagħ mill-għaqda Żejtun Organisation to Empower You (ŻOEY) ħasbu biex jiġbru bottijiet tal-preserve u ikel ieħor priservat b’risq it-tfal ta’ Sliema Crèche, Angela House, St Rita Home, Fatima Home, Appoġġ Children’s Fund u l-Kummissjoni Tfal tal-Knisja.

F’inqas minn sitt sigħat, inġabru ammont rekord ta’ ikel li jaqbeż id-960 kilogramma. Dan l-ammont huwa t-tripplu ta’ dak li nġabar is-sena li għaddiet. L-ikel inġabar miż-żona ta’ Ġebel San Martin, Ħal Tmin, Ta’ San Girgor, u Bir id-Deheb.

L-għaqda ŻOEY tat ħajr lir-residenti Żwieten tal-ġenerożità kbira tagħhom u li għal darb’oħra wrew il-koperazzjoni kbira tagħhom.

Fi stqarrija ngħad li dawn iż-żgħażagħ fis-skiet tagħhom ħarġu l-aspett pożittiv minn din il-festa u għandhom sodisfazzjoni kbir li b’dak li għamlu se jgawdu numru sabiħ ta’ tfal li sfortunament ma jkunux jistgħux jgħixu mal-familji naturali tagħhom minħabba problemi u diffikultajiet.