Stejjer Umani
“Ġaladarba miġburin id-dar għożżu ‘l-għeżież tagħkom, ‘l ommi nimmissjaha wisq”

Erik Azzopardi, ġuvni ta’ 22 sena, u fi ftit kliem, l-hena tiegħu jiġġerra ma’ sħabu, il-futbol il-mimmi t’għajnejh, u kif joqrob l-istaġun tal-festi jkollu seba’ mitt sena sakemm tasallu l-festa ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara li tant hi għal qalbu.

Meta kellu għaxar snin, ta’ tfajjel li kien, Erik kien diġà jeqleb id-dinja. Sakemm, jum fost l-oħrajn, ħajtu nbidlet f’leħħa ta’ berqa. Dak iż-żmien, ‘l ommu qalulha li kienet dijabetika, u minn dakinhar ‘l hawn il-mamà ta’ Erik ssieltet lejl u nhar ma’ għadd ta’ kundizzjonijiet, sakemm bħal-lum xahar, ta’ 55 sena, ġiet nieqsa.

F’kummenti lil tvm.com.mt, Erik stqarr li ma tgħaddix sekonda li ‘l ommu ma jimmissjahiex. Qal, li l-fatt li kif jidħol id-dar isib skiet taqtgħu b’sikkina, jaqsamlu qalbu, għalkemm konxju li ommu, wara li kienet ilha 13-il sena tiġġieled kontra għadd ta’ kundizzjonijiet li ma ħallewhiex bi kwietha, fl-aħħar straħet mill-kalvarju li kienet għaddejja minnu.

F’dan l-isfond, Erik qal li bil-għajnuna ta’ missieru qed jirnexxilu jsib il-kuraġġ biex jaċċetta r-realtà u jerġa’ jsib mill-aktar fis dik it-tbissima fuq fommu li tant tikkaratterizzah.

Fid-dawl tal-Covid-19, Erik qal li dan il-perjodu għandu jkun ix-xoqqa f’moxtha biex ġaladarba ninsabu miġburin id-dar ngħożżu aktar ‘l-għeżież li nqattgħu daqstant ħin magħhom taħt l-istess saqaf, nibżgħu għal saħħitna, u nibqgħu magħqudin kif aħna. Liema valuri, frott il-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, kultant jintesew.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Raġel ta’ 68 sena huwa d-disa’ vittma tal-Coronavirus f’Malta dan wara li aktar kmieni llum tħabbret il-mewt ta’ raġel ieħor ta’ 56 sena, li miet bl-istess virus. Ir-raġel ta’ 68…

COVID-19

Raġel ta’ 56 sena huwa t-tmien vittma tal-Covid-19 f’Malta. Huwa miet il-lejl li għadda fl-Isptar Mater Dei. Waqt li tat rendikont tas-sitwazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat il-kondoljanzi…

Aktar