Lokali
Ġappuniża twaqqaf għaqda biex tħajjar Ġappuniżi jistudjaw f’Malta

It-tagħlim tal-Ingliż u l-attrazzjonijiet kulturali huma ż-żewġ elementi ewlenin li jagħmlu lil Malta destinizzjoni importanti għat-turisti Ġappuniżi. Waqt li l-Awtorità tat-Turiżmu għandha rappreżentanza tajba f’Tokjo, l-aħjar riklam għal Malta qed isir minn tfajla Ġappuniża li wara li ġiet tistudja l-Ingliż f’Malta waqfet għaqda volontarja li qed tkabbar l-interess fost l-istudenti Ġappuniżi.

Kayoko Hayashi ġiet tistudja l-Ingliż f’Malta u baqgħet impressjonata u affaxxinata b’pajjiżna. Permezz tal-Malta Journal 360 u l-Facebook tagħha, Hayashi saret bħal Ambaxxatur ta’ Malta bil-ħidma volontarja tagħha biex ixerred tagħrif dwar Malta u tħeġġeġ lill-Ġappuniżi jikkunsidraw lil Malta biex jistudjaw l-Ingliż. Tgħid li f’Malta sabet pajjiż sabiħ, nies dħulin u ikel tajjeb.

Koyoko Hayashi tinkwadra sew fl-istrateġija tal-Awtorità tat-Turiżmu li tkompli tippromovi lil Malta fis-suq Ġappuniż. F’laqgħa f’Tokjo waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fil-kapitali Ġappuniża, kien hemm attendenza tajba mill-operaturi tal-aġenti tal-ivvjaġġar li attendew għal preżentazzjoni li saret biex tippromovi t-turiżmu lejn Malta. Akihiro Horisaka huwa fost l-operaturi tal-vjaġġi li qed jippromovi lil Malta fil-Ġappun.

Minkejja distanza ta’ aktar minn għaxart elef kilometru bejn il-Ġappun u Malta u minkejja li sal-lum m’hemmx titjiriet dirett bejn iż-żewġ pajjiżi, iċ-ċifri tat-turisti mill-Ġappun qed toqrob lejn għoxrin elf turist fis-sena. Iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Gavin Gulia qal li l-Awtorità tara potenzjal li jiżdied aktar turiżmu minn dan il-pajjiż sinjur.

F’dan il-kuntest, waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Ġappun, id-Direttur Ġenerali tal-Avvjazzjoni Ċivili l-kaptan Charles Pace ddiskutew qafas regolatorju biex jibdew servizzi tal-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi. Transport Malta qalet li dan għandu jwassal għal servizzi tal-ajru bejn Malta u l-Ġappun fil-futur qrib.