Lokali
Garaxx f’Ħaż-Żabbar joffri tama għall-istrumenti

Minn passatemp, Charles Busuttil żviluppa s-sengħa tar-restawr tal-istrumenti tal-korda f’passjoni li eventwalment spiċċat ix-xogħol ewlieni tiegħu. Dan huwa xogħol metikoluż, iżda li jagħti sodisfazzjon kbir lil Charles li f’intervista ma’ TVM qal li laqqgħu ma’ diversi stilel kbar tal-mużika li marru jsewwu l-istrumenti tagħhom għandu meta kienu għal kunċert f’Malta.

Imrekken fi trejqa f’Ħaż-Żabbar…imfittex minn mużiċisti ta’ strumenti tal-korda…il-garaxx ta’ Charles Busuttil huwa l-aħħar tama għall-istrumenti tal-korda li jkunu qed jibku għal restawr.

Permezz ta’ sengħa li nibtet minn passatemp meta kien student universitarju, Charles żviluppa namra għal dan ix-xogħol meta kien spalla ma’ spalla ma’ missieru tletin sena ilu, iqatta’ sigħat jirtokkja l-istrumenti.

“Għandek strumenti li huma ta’ valur sostanzjali. Ikunu rari jkunu għadhom b’daqsxejn xogħol jiġu f’kundizzjoni tajba ħafna u oriġinali…għall-valur monetarju tagħhom…u mbgaħad għandek strumenti li jkollhom valur iktar sentimentali…ta’memorji.”

Jispjega, li uħud minnhom jaslu għandu trietaq. Bħal dan il-kontrabaxx tas-seklu 19 li nġieb minn każin tal-banda. B’paċenzja iżda b’ton ottimist Charles jispjega li l-proċess tar-restawr fuqu kapaċi jieħu sentejn. L-istess jista’ jingħad għal dan il-vjolin.

“Dan huwa vjolin li kif turi l-kaxxa dan kien taħt l-ilma. Kien ġo riverboat Amerikana u jgħidulu fiddle. Irid jinbena mill-bidu però. Ovjament minħabba li l-kaxxa tkun ilha hekk snin. Għall-grazzja ta’ Alla ma hawn xejn nieqes, jiġifieri inti għalkemm huwa vjolin u vjolin sabiħ ħafna għandek kollox. Jigsaw puzzle…u ħafna paċenzja.”

Il-passjoni u t-talenti ta’ Charles ma waqfux biss f’Malta tant li kemm il-darba rrestawra strumenti ta’ mużiċisti ewlenin li jżuru pajjiżna.

Michael Bolton, Zucchero, Claudio Baglioni, Riccardo Cocciante, Tom Jones, The Wailers, Uriah Heep, Chris Norman (Smokie), Riccardo Fogli, Leo Sayer, Fish (Marillion), Lucio Dalla, James Blunt u Tom Jones huma biss uħud mill-artisti li kienu Malta u kkollaboraw miegħu.

“B’regola ġenerali iktar mal-persuna ikun ta’ suċċess biex ma ngħidx famuża biss ikunu down to earth hekk ikunu nies li tieħu pjaċir titkellem magħhom u esperjenza sabiħa ħafna.”

Charles jgħid li huwa kburi li t-talenti tiegħu għaddiehom lil uliedu.

Il-mużika, jispjega, hija ħolqa li tgħaqqadhom bl-ispirazzjoni li tkompli tissaħħaħ minn sena għall-oħra tant li qed jitgħallmu l-kitarra professjonalment flimkien.

Ħallejna lill-Charles jissokta bil-ħidma tiegħu fuq dawn l-instrumenti – kordi li jirrakkontaw stejjer, mumenti u rikordji bla qies, u l-mużiċisti jistennew ħerqana għall-mument li jerġgħu jkunu f’idejhom.