Ġenituri għandhom jiftħu kontijiet lil uliedhom fuq TikTok jew Instagram?

L-20 ta’ Novembru hija l-ġurnata li fiha n-Nazzjonijiet Uniti tiċċelebra il-Jum Dinji tat-tfal. Din il-ġurnata ilha tiġi ċċelebrata mill-1954 bil-ħsieb ewlieni li tissaħħaħ il-kuxjenza fuq sitwazzjonijiet differenti relatati mat-tfal u il-bżonn li tingħata iktar importanza u attenzjoni lit-tfal. Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum ‘Popolin’ iddiskuta t-tfulija u d-dixxiplina tat-tfal ta’ llum f’Malta.

Tkellimna mal-Kummissarju għat-Tfal; Pauline Miceli li spjegat li l-midja soċjali u anke l-internet jistgħu ikunu effettivi għaliex għandhom diversi aspetti pożittivi, dan deher b’mod ċar waqt il-pandemija tal-COVID19 fejn dawn l-għodda intużaw anke għat-tagħlim. Sfortunatament l-istess midja soċjali għandha wkoll l-aspett negattiv tagħha. Miceli tkellmet dwar l-effetti ħżiena tal-użu eċċessiv tal-midja soċjali li saħansitra qiegħed jitqies ukoll bħala vizzju. Kompliet tgħid li l-użu tal-midja soċjali bħall-TikTok u Instagram hu primarjament ibbażat fuq ix-xewqa li ssir famuż jew biex tirċievi aktar attenzjoni. “Il-problema hi li ssib ġenituri li jippostjaw u jagħmlu dawn il-vidjows provokanti fuq l-istess siti ta’ midja soċjali” b’referenza għal dan Miceli tenniet li t-tfal għandhom tendenza li bħal ma jaraw jagħmlu għalhekk din l-imġieba minn naħa ta’ ċertu ġenituri mhux qed tgħin lil uliedhom.

Il-Kummissarju għat-Tfal spjegat li jkun hemm numru ta’ każijiet fejn addolexxenti ttieħdu passi kriminali kontrihom għaliex mexxew ritratti indiċenti ta’ persuni li xi darba kienu ħbieb tagħhom; “Aħna kontinwament inwissu kemm lill-ġenituri kif ukoll lit-tfal”. Hija spjegat li t-tfal m’għandhomx jiġu imħeġġa biex jaġixxu ta’ kbar kemm fuq l-ilbies, l-attitudni, l-pożi fuq il-midja soċjali eċċ. Żiedet tgħid li ltaqgħet ma każijiet fejn tfal ta’ sebgħa u tmien snin ingħataw il-permess mill-ġenituri biex jagħmlu kontijiet fuq il-midja soċjali.

“Jidispjaċini ħafna meta nara ġenituri li jissesswalizzaw it-tfal tagħhom minn kmieni wisq. Din xi ħaġa li qatt ma għandha tkun. Dan mhuwiex xieraq u t-tfal ma jixirqilhomx hekk” tenniet Miceli.

Ara l-programm kollu hawnhekk:-

Popolin