Ġenituri li jagħtu daqqa lil uliedhom, qed jiksru l-liġi?

Kulturalment, bħala soċjetà mdorrijin naħsbu li dik id-daqqa ħafifa bħala forma ta’ dixxiplina hija aċċettata. X’inhu raġonevoli u x’mhuwiex huwa fatt suġġettiv għaliex ivarja minn persuna għall-oħra u minn kultura għall-oħra.

Fl-2014, daħlet fis-seħħ il-liġi li tipprojbixxi li t-tfal jiġu msawwta anke jekk b’mod ħafif, f’postijiet li mhumiex id-dar, dan jinkludi l-iskejjel u postijiet pubbliċi oħra. Biss l-hekk imsejħa ‘reasonable chastisement’ li tfisser daqqa ħafifa b’mod adegwat, fid-djar għadha aċċettata. Fi kliem iktar sempliċi; li ġenitur jew kustodju jagħti daqtejn lil uliedu bejn l-erba’ ħitan ta’ daru mhuwiex illegali, għalhekk ma jittieħdu l-ebda passi kriminali. Gauci spjega li bħala pajjiż irċevejna indikazzjoni ċara mill-Ġnus Magħquda li pajjiżna għandu jirranġa din is-sitwazzjoni biex dan is-swat għalkemm ħafif, fid-djar tagħna jinqatgħa kompletament, għaliex dak hu l-unika mod kif jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal fl-intier tagħhom. Huwa tenna li f’dawn l-aħħar snin sar avvanz kbir u s-soċjetà qed titgħallem li l-ebda tip ta’ vjolenza ma għandha tintuża biex jiġu edukati jew dixxiplinati t-tfal.

Elena Borġ minn naħa tagħha saħqet li kull każ ta’ vjolenza fuq it-tfal irid jiġi analizzat b’mod individwali. Hija qalet li ssib każijiet fejn il-ġenituri għandhom idejhom ħafifa filwaqt li oħrajn huma l-estrem l-ieħor. Spjegat li l-ġenituri li jkollhom idejhom ħafifa, ġeneralment jkunu ġejjien minn familja li l-kultura tagħha kienet li tikkoreġi lil ulieda b’dak il-mod; “tajjeb li nifhmu li mhux kull ġenitur li jerfa’ idejh ikollu l-intenzjoni li jweġġa’ lil uliedu, imma xi kultant ma jafux mod ieħor”. Borġ spjegat li mill-esperjenza tagħha, ltaqgħet ma’ familji finanzjarjament stabbli u b’edukazzjoni terzjarja li jikkoreġu lit-tfal tagħhom permezz ta’ swat, bl-istess mod kif iltaqgħet ma’ familja bi dħul baxx li jipprattikaw l-istess aġir; “ma sibtx varjazzjoni bejn id-demografiċi bbażati fuq dħul jew lokalità”.

Ara x’kellhom xi jgħidu l-professjonisti:-

Popolin