Ġenituri qed jgħawwu lil uliedhom fuq il-ġenitur l-ieħor

Illum il-ġurnata nsibu numru sostanzjali ta’ koppji li jagħżlu li jinfirdu u jieħdu s-separazzjoni. Sfortunatament waqt dan il-proċess hemm tendenza li jsir xi kliem dispreġġattiv jew tixwix fil-konfront tal-parti l-oħra tal-koppja. Permezz ta’ dan il-kliem ħadd ma jbati daqs it-tfal tagħhom stess. ‘Popolin’ iffoka d-diskussjoni preċiżament fuq din it-tendenza. X’inhuma r-riperkussjonijiet fuq l-ulied?

Anthony Cauchi mill-għaqda ‘Happy Parenting Malta for Happier Children’ spjega li l-aljenazzjoni fuq it-tfal biex jiġu mbiegħda minn wieħed mill-ġenituri jew familjari ma hija qatt ġġustifikata. Ir-realtà kurrenti li-ġenitur jiġi mċaħħad milli jara lil uliedu għal-ġimgħat jekk mhux xhur sħaħ hija ikbar milli naħsbu. “Il-Qofol huma t-tfal, l-emozzjonijiet tat-tfal u l-abbuż li qed iseħħ fuq it-tfal. Tajjeb li jiżdied l-għarfien rigward parent alienation, imma l-importanti huwa l-intervent li hemm bżonn isir” spjega Cauchi. Tenna, li hemm bżonn li l-Ġudikatura ta’ pajjiżna tieħu taħriġ fuq parent alienation, filwaqt li l-Qorti tal-familja tkun iktar attrezzata biex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr kemm jista’ jkun. “Irridu naħdmu flimkien, b’viċi kollettiva għal ġid tat-tfal.” Huwa żied jgħid li hemm sbatax-il strateġija kif ġenitur ibiegħed lil uliedu mill-ġenitur l-ieħor, it-tixwix huwa biss wieħed minnhom.

“Kull siegħa, ġurnata, ġimgħa jew sena li l-ulied qed jinżammu l-bogħod minn wieħed mill-ġenituri qed issirilhom ħsara kbira.”