Lokali
Ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà jgħidu li diffiċli jlaħħqu mal-ħajja bit-terapiji ta’ wliedhom

Ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà intelletwali appellaw għal aktar appoġġ fit-terapiji għal uliedhom għaliex qalu li s-servizzi li qed jingħataw mill-Gvern mhumiex biżejjed. Fl-istess waqt saħqu għal iktar għarfien fost il-pubbliku dwar uħud mill-kundizzjonijiet fosthom l-awtiżmu.

Ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà intelletwali esprimew tħassib li s-soċjetà barra l-familja immedjata ma tifhmx biżejjed il-ħtiġijiet ta’ wliedhom għaliex id-diżabbiltà mhux dejjem tidher.

F’laqgħa organizzata mill-Istitut għat-Terapija tal-Familja u Paragon Europe, il-ġenituri esprimew tħassib li d-diffikultajiet għal uliedhom jiżdiedu wara l-ħin tal-iskola – meta jiġu biex jagħmlu attivitajiet bħal żfin, sports u saħansitra waqt il-lezzjonijiet tal-mużew.

Huma ġibdu l-attenzjoni li t-tfal b’kundizzjoni bħall-awtiżmu qed jiżdied, waqt li r-riżorsi umana f’dan il-qasam huma limitati ħafna.

Il-ġenituri tkellmu dwar l-għafsa ta’ qalb li jħossu kull meta jgħaddu ċertu kummenti dwar l-imġieba tat-tfal għax ma jifhmux minn xiex tkun għaddejja persuna.

Charlene Borg li taħdem f’Dar Inspire qalet ” id-diżabbiltà per se l-ewwel nett tinħass mhux għal dik il-persuna imma tinħass għall-familja kollha u ovvjament il-familja u l-individwu ma jeżistux iżolati jeżistu f’soċjetà allura kif is-soċjetà ħa tirreaġixxi lura lejn il-familja jew lejn dik il-persuna ħa taffetwahom immensament.”

Il-ġenituri appellaw għal aktar rieda politika biex jiżdiedu s-servizzi terapewtiċi għal tfal b’diżabbiltajiet intelletwali. Qalu li s-servizzi li qed jingħataw mill-Gvern mhumiex biżejjed tant li t-terapija ta’ wliedhom qed tkun piż finanzjarju għalihom.

Charlene Borg, li taħdem mill-qrib ma’ tfal b’diżabbiltà, spjegat li l dan hu proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li jagħti lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà aktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta’ wliedhom u kif din tkun qed taffettwalhom il-ħajja ta’ kuljum.

Charlene Borg qalet “iktar kemm ikollhom informazzjoni iktar ikunu b’saħħithom biex jgħixu l-ħajja ta’ kuljum u jgħinu lil uliedhom jiżviluppaw it-talent tagħhom.”

F’ dan il-proġett qed jieħdu sehem pajjiżi oħra bħat-Turkija, ir-Repubblika Ċeka, Spanja u d-Danimarka.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Jekk kont qed issiefer u tagħżel li toqgħod f’Airbnb hemm ċans li se tara bosta tibdiliet dalwaqt.  Dan għax qed jinkisru bosta regoli Ewropej tal-konsumatur tant li l-Kummissjoni Ewropea talbet…

NGOs

Il-LifeCycle (Malta) Foundation qed tappoġġa b’mod finanzjarju soluzzjoni sofistikata ta’ software installata fit-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei. Imsejħa Traccia, is-software jgħin biex “iqabbel” u jiddetermina bi preċiżjoni għolja l-kompatibiltà tal-organu…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà meta kien qed jgħum fil-bajja ta’ Kemmuna. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1.00 ta’ waranofsinhar fil-Blue Lagoon. TVM infurmat li r-raġel,…

Aktar