Ġenituri u professjonisti mħassba mill-ħin li jqattgħu t-tfal fuq l-internet

Għandu jintlaħaq bilanċ bejn l-użu tal-internet u l-aċċess għall-media soċjali fost it-tfal minħabba li jekk dan isir vizzju jista’ jwassal għal riperkussjonijiet fuq saħħithom, kemm fiżikament u anke mentalment.

Dan intqal ma’ TVM mill-psikjatra Dr Mark Xuereb hekk kif ġenituri ta’ tfal u adolexxenti qed juru tħassib dwar l-użu eċċessiv tat-teknoloġija f’ħajjet uliedhom.

Id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt saħaq li mhux it-tul ta’ ħin biss għandhom jimmonitorjaw il-ġenituri iżda wkoll x’tip ta’ kontenut qed jaraw it-tfal meta jużaw l-internet u l-media soċjali.

Il-ħin eċċessiv li jqattgħu t-tfal jużaw l-internet u l-media soċjali qed iqajjem tħassib fost ħafna ġenituri u professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Demaris Agius hija omm irrakkuntat ma’ TVM kif qed tara lil binha jinbidel minħabba l-użu tal-internet għal ħiniijet twal tal-ġurnata.

“Bdejt ninduna meta t-tifel kważi lanqas imur it-toilet ma jaf jekk ma jkollux miegħu l-mobile … bla paċenzja … lanqas jaf jimmaġina … irid bilfors ikollu t-teknoloġija … kif jiġi d-dar narah … inkunu qegħdin nieklu … ġenn ha jitla’ fuq ghax irid imur jilgħab”.

Demaris stqarret ma’ TVM li l-pandemija u l-‘lockdown’ waqt il-Covid m’għenitx, sentiment li wassal biex il-Caritas qiegħda kontinwament tqajjem kuxjenza fl-iskejjel dwar ir-riperkussjonijiet ta’ dan il-vizzju.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt saħaq li mhux il-ħin biss għandu jiġi kkontrollat iżda wkoll x’qed jaraw it-tfal waqt li jkollhom l-aċċess għall-internet.

“Tajjeb ukoll li l-ġenitur mhux biss jimmoniterja l-ħin però tajjeb ukoll li jimmoniterja l-kontenut, jiġifieri l-internet hija arma perikoluża f’idejn it-tfal speċjalment l-‘exposure’ għall-pornografija. Ma jistax ikollu tfal li għandhom tablet ‘password protected’ u l-genitur ma jafx x’inhu għaddej”.

Il-psikjatra Dr Mark Xuereb spjega ma’ TVM li għandu jkun hemm età partikolari meta t-tfal jingħataw mobile.

“X’kont nagħmel jiena? Kieku għandi ‘wish list’ … kieku l-kompjuter u t-telefon żagħżugħ inqas minn 17-il sena ma jkollux telefon. Diffiċli, sfida, ma ninsewx li l-internet hija teknoloġija fenomenali ovvjament se tibqa’ magħna tajjeb li nużawha favurina”.

Xuereb qal li r-riperkussjonijiet ta’ dan il-vizzju jistgħu jkunu varji – minn obeżità sa suwiċidju.

“Ma ninsewx li l-‘internet addiction’ huwa wieħed mit-tliet kriterji ta’ suwiċidju fl-adoloxxenti u fiż-żgħażagħ. Din tista’ tkun kriżi – waħda hija ħin eċċessiv fuq l-internet, ‘number’ 2 li tinqata’ mis-soċjetà u ‘number 3′ li ma tieħux ħsieb persuntek. Dawk huma t-tliet fatturi ta’ riskju li jistgħu jwasslu ghal suwiċidju”.

Dr Xuereb saħaq li għandu jintlaħaq bilanc f’dan ir-rigward billi t-tfal ma jdumux aktar minn sagħtejn kuljum kif stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Huwa ħeġġeġ ukoll lill-ġenituri jħajru lil uliedhom jilgħabu u jagħmlu l-eżerċizzju biex ma jinħakmux mill-vizzju tal-użu eċċessiv tal-internet u l-addizzjoni għall-media soċjali.