Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT (2): Is-summit tal-UE sospiż wara 18-il siegħa – jkompli għada

Fl-aħħar żviluppi minn Brussell, is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew ġie sospiż temporanjament u se jitkompla għada fil-11.00am. Dan ħabbru l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ftit tal-ħin ilu.

Is-summit ilu għaddej mill-bieraħ fis-6.00pm u qed jiddiskuti ismijiet papabbli għall-karigi ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-proposta ewlenija li ġiet diskussa dalgħodu kienet tinvolvi n-nomina ta’ Frans Timmermans għal President tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Kristalina Georgieva bħala President tal-Kunsill Ewropew; Manfred Weber baqa’ jissemma bħala President tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-PM Belġjan Charles Michel u l-Kummissarju Margret Vestager bdew jissemmew bħala Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Barranija.

Madanakollu it-taħditiet, li damu aktar minn 18-il siegħa, ma taw l-ebda frott u l-President Tusk iddeċieda li jissospendi s-summit u li dan jitkompla għada.

Iktar kmieni kien irrappurtat kif il-Kummissarju Ewropew Kristalina Georgieva qed tintuża bħala l-lixka biex il-pajjiżi tal-Lvant tal-UE jaċċettaw lil Frans Timmermans bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.

Sadanittant, matul il-lejl li għadda u fis-sigħat li għaddew, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien involut f’sensiela ta’ laqgħat, mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u anki mal-Prim Ministri u Kapijiet ta’ Gvern li jiffurmaw parti mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi. L-għażla ta’ Malta diġà kienet iddikjarata fil-ġimgħat li għaddew, bil-Gvern Malti jappoġġja lil Timmermans għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Wara lejl twil ta’ laqgħat formali u informali li bdew ilbieraħ wara nofsinhar, wara sigħat sħaħ ta’ konsultazzjonijiet u taħditiet, dalgħodu isem Frans Timmermans reġa’ beda jissemma’ bħala l-kandidat l-aktar papabbli għal President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan hekk kif il-proposta oriġinali tal-Belġjan Charles Michel, President tal-Kunsill, u l-Bulgara Kristalina Georgieva bħala Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija nqalbet, biex Georgieva tkun hi li tieħu f’idejha l-Kunsill Ewropew flok Donald Tusk.

Il-vantaġġ ta’ proposta bħal din hija li Georgieva, mil-Lvant tal-UE, jaf tinżel tajjeb mal-pajjiżi tal-Visegrad; iżda fl-istess ħin għandha żvantaġġ għax tkun qed tiġi abbandunata l-prassi miżmuma dejjem s’issa li l-President tal-Kunsill jinħatar minn fost il-Kapijiet tal-Gvern. Georgieva kienet Kummissarju, iżda qatt ma kienet Prim Ministru fil-Bulgarija.

Jekk din il-proposta tiġix aċċettata għad irridu naraw.

Ara wkoll:

It-Tnejn jisbaħ bla nomina għal President tal-Kummissjoni Ewropea

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-Gvern biex jgħin bi kwalunkwe mod possibbli biex itaffi xi ftit mill-piżijiet finanzjarji meħtieġa biex jitmexxa s-santwarju tal-Arka ta’ Noe fil-Mellieħa fejn…

Politika

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ikkonkluda li stqarrija li l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici ħareġ, permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, ma kinitx tikser il-kodiċi ta’ etika. Il-Kummissarju Hyzler investiga ilment imressaq mill-Avukat…

Immigrazzjoni

Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet li l-Guardia Costiera Taljana m’għandhiex permess iddaħħal f’Malta 90 immigrant li ġew salvati dal-lejl. Il-Forzi Armati jisħqu li kienu qed isegwu s-sitwazzjoni tal-immigranti li…

Edukazzjoni

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, Charles Caruana Carabez, qal li se jinvestiga kemm hi kbira l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema wara li fl-aħħar jiem uffiċjali fil-Ministeru għall-Edukazzjoni ndikaw li tista’ tinħareġ sejħa…

Aktar