Lokali
AĠĠORNAT: 15-il xahar ħabs għal Gerardu Galea li nstab ħati bil-qtil f’Marsalforn

Gerardu Galea ta’ 67 sena weħel 15-il xahar ħabs u multa ta’ €8,330 wara li nstab ħati bil-qtil ta’ John Spiteri ta’ 45 sena f’każ li seħħ erba’ snin ilu f’Marsalforn.  Is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Antonio Mizzi fi tmiem ġuri, li fih Galea nstab ħati tal-ewwel kap t’akkuża b’sitt voti favur u tlieta kontra. Madankollu l-ġurija irrimarkat li Galea kien ipprovokat, bis-sentenza massima dwar din l-akkuża issa tkun ta’ sentejn ħabs.

Mill-banda l-oħra l-ġurija ma sabitx lil Galea ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri ta’ 20 sena, li jiġi iben il-vittma. Huwa ma nstabx ħati lanqas li kkaġuna ħsara volontarja fuq il-vetturi.  Il-prosekuzzjoni qalet li l-qtil seħħ meta l-vittma u ibnu Matthew kienu qed jiżbru s-siġar u jwaħħlu xi arbli żgħar fil-parkeġġ fil-Qbajjar bi tħejjija għall-gabbana li kellhom jiftħu għax-xhur tas-sajf.

Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija ħareġ li waqt li l-vittma u ibnu kienu qed jiżbru s-siġar, mar fuqhom l-allegat aggressur u ħadha qatta’ bla ħabel magħhom dwar iż-żbir tas-siġar.  Ftit wara, l-akkużat rikeb fil-karozza u rriversja għal fuq il-missier u l-iben. Waqt li Matthew Spiteri rnexxielu jiżgiċċah, missieru John intlaqat u ttajjar għal bosta metri u konsegwenza miet fl-isptar ħames sigħat wara l-inċident.