Qorti
Ġew Malta biex jistudjaw l-Ingliż – spiċċaw jipprostitwixxu ruħhom biex jagħmlu tajjeb għall-kwarantina

Tliet nisa Kolumbjani li għandhom bejn 28 u 40 sena, weħlu sentenza ta’ disa’ xhur priġunerija sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €250 wara li ammettew li għexu minn fuq il-prostituzzjoni u li żammew burdell f’darhom.

Il-prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li waslitilha informazzjoni li f’appartament f’San Ġiljan kienu qed jiġu offruti għadd ta’ servizzi sesswali.

Wara sorveljanza fuq il-post il-pulizija daħlu fl-appartament fejn sabu lil waħda min-nisa jkollha x’taqsam ma’ klijent.

Huma kellmu lill-klijent fejn dan qal li ħallas €80 sabiex jirċievi dan is-servizz. Wara li għamlu tfittxija il-pulizija sabu wkoll għadd ta’ apparat sesswali.

It-tliet akkużati ġew Malta legalment biex jistudjaw l-Ingliż izda wara li weħlu kwarantina fit-Turkija, imbagħad kwarantina oħra f’pajjiżna, l-ispiża telgħet ferm iktar milli mistenni.

Dan wassal sabiex huma jirreklamaw ruħhom fuq siti onlajn u l-klijenti kienu jċemplulhom u jmorru biex jagħmlu s-sess magħhom.