Festi
Ġewż, lewż qastan tin…illum iċċelebrata l-festa ta’ San Martin fil-Baħrija

Ma nistgħux ngħidu li fi tmiem dan il-ġimgħa għamel “is-Sajf ta’ San Martin” iżda t-temp xorta ppermetta biex fl-irħajjel tal-Baħrija ġiet iċċelebrata l-festa lil dan il-qaddis fost ħafna tradizzjonijiet: bejn dawk assoċjati mal-ikel u l-fiera tradizzjonali . . . . u tifkira tal-ġest ta’ solidarjetà li San Martin għamel mal-foqra.

Ġewż, lewż qastan tin … kemm inħobbu lil San Martin

It-taqbila simpatika assoċjata ma’ waħda mill-iżjed festi maħbuba mal-Maltin fil-Ħarifa li tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru jew l-eqreb Ħadd għal din il-ġurnata.

L-irħajjel tal-Baħrija fil-limiti tar-Rabat fejn San Martin hu l-qaddis patrun ta’ din il-komunità kien miżgħud b’familji, tfal, żgħażagħ u turisti li mlew iż-żona biswit il-knisja fejn saret il-fiera tradizzjonali.

Mal-ikel tradizzjonali, abbundanza ta’ ġewż, lewż, qastan u t-tin li Maltin xtraw kemm biex inaqqru dak il-ħin jew biex jeħduhom id-dar u jinkluduhom fl-ingredjenti għat-Torta ta’ San Martin u l-Ħobż ta’ San Martin. Ġibed l-interess ta’ ħafna l-qastan imsajjar fuq in-nar fil-miftuħ.

Oħrajn ġeddew il-memorji tat-tfulija meta l-fiera ta’ San Martin kienet iċċentrata fuq ir-rebħ ta’ ħrief, dundjani u fniek.

Il-festi reliġjużi saru fil-knisja tal-Baħrija b’tifkira ta’ San Martin, is-suldat Ruman li qasam il-mant tiegħu biex jagħti kenn lil raġel fqir iterter bil-bard. Fil-ħolm ra lil Kristu liebes dak il-mantell li hu ta lir-raġel fqir u wara kkonverta għall-Kristjaneżmu fejn għamel snin jipprietka u sar Isqof. It-tema tal-faqar f’din l-istorja baqgħet assoċjata mal-qaddis billi l-borża ta’ San Martin kienet titqassam lill-foqra.

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

“In-nannu dejjem kien jgħidli li l-baħar tad-Dwejra hu l-isbaħ baħar li hawn fil-Mediterran u llum dan nista’ nikkonfermah” Annie Formosa hi l-kuratriċi ta’ ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali dwar il-baħar li…

Lokali

Il-ġmiel ta’ pitturi li jiksu l-ħitan tal-kappella privata f’Palazzo De La Salle, li jinsab fil-parti t’isfel ta’ Triq ir-Repubblika, il-Belt, jistgħu jerġgħu jiġu apprezzati mill-pubbliku hekk kif tlesta r-restawr tagħhom….

Għawdex

Waqa’ fil-muta l-arloġġ taċ-Ċittadella f’Għawdex. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ li għandu kważi mitejn u ħamsin sena żżarma minn postu u qed jiġi restawrat għand kumpanija ta’ arluġġara f’Għawdex stess. Il-mekkaniżmu mistenni jitreġġa’…

Aktar