Unjoni Ewropea
Għada jitħabbru l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena d-dieħla

Għada, fi Brussell, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, se tħabbar il-prioritajiet ta’ ħidma għall-Unjoni Ewropea fit-tnax-il xahar li ġejjin. Dan hekk kif mistennija tagħmel id-diskors State of the Union.

Għall-ewwel darba fl-istorja, id-diskors se jsir fil-Parlament Ewropew fi Brussell u mhux fi Strasburgu.

Se jkun l-ewwel diskors tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tal-unjoni – imsejjaħ ‘State of the Union’. Fid-diskors il-President Ursula von der Leyen mistennija titkellem dwar il-kisbiet tal-ewwel sena tal-Kummissjoni mmexxija minnha kif ukoll dwar l-isfidi u l-prioritajiet għas-sena li ġejja.

Anqas minn sena ilu, meta l-President von der Leyen kienet konfermata fil-kariga, hija kienet poġġiet il-Patt Aħdar Ewropew – il-Green Deal – kif ukoll l-istrateġija għal Ekonomija Diġitali bħala ż-żewġ miri ewlenin tagħha. Il-pandemija tal-coronavirus u l-mod kif l-Unjoni Ewropea qed tilqa’ għal din l-imxija, kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll ta’ saħħa, ukoll mistennija jiġu indirizzati mill-President von der Leyen.

Bil-kontra tas-snin li għaddew, id-diskors State of the Union se jsir fil-Parlament Ewropew fi Brussell u mhux fi Strasburgu. Dan peress li Strasburgu, fejn hemm is-sede uffiċjali tal-Parlament Ewropew, tqegħdet fuq il-lista l-ħamra minħabba żieda allarmanti fil-każijiet ta’ coronavirus. Infatti, l-Ewroparlamenti ilhom ma jiltaqgħu għall-plenarja fi Strasburgu minn Marzu u baqgħu jużaw biss il-binja fi Brussell jew saħansitra ltaqgħu virtwalment f’dawn is-sitt xhur.

L-Erbgħa filgħodu Television Malta se jxandar programm speċjali dwar id-diskors State of the Union 2020 b’diskussjoni u analiżi ma’ esperti, politiċi u membri parlamentari Ewropej Maltin. Ix-xandira tibda fit-8.30am fuq Television Malta u fuq tvm.com.mt.